Jeżistu “s-sebaʼ dnubiet mejta”?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-Bibbja ma tagħtix b’mod speċifiku lista taʼ “sebaʼ dnubiet mejta.” Madankollu, tgħallem li l-ipprattikar taʼ dnubiet serji se jżomm persuna milli tikseb salvazzjoni. Pereżempju, il-Bibbja tirreferi għad-dnubiet serji bħall-immoralità sesswali, l-idolatrija, l-ispiritiżmu, l-għadab, u s-sokor bħala “l-għemejjel tal-laħam.” Imbagħad tgħid: “Min jipprattika dawn l-affarijiet ma jiritx is-saltna t’Alla.”—Galatin 5:19-21. a
Il-Bibbja ma tgħidx li sebgħa huma l-affarijiet li l-Mulej ma jaħmilx?
Iva, hekk tgħid. Skont Il-Bibbja tal-Għaqda Biblika Maltija, Proverbji 6:16 jgħid: “Sitt ħwejjeġ jobgħod il-Mulej, sebgħa huma li ma jaħmilhomx.” Minkejja dan, il-lista taʼ dnubiet li tiġi wara fi Proverbji 6:17-19 ma tinkludix kollox. Minflok, tiddeskrivi kategoriji bażiċi li jirrappreżentaw kull tip taʼ att ħażin, inkluż dak tal-ħsieb, tal-kliem, u tal-għemil. b
X’nifhmu bl-espressjoni “dnub mejjet”?
Xi traduzzjonijiet jużaw din l-espressjoni fl-1 Ġwanni 5:16. Pereżempju, The New American Bible tgħid: “Hemm xi ħaġa li tissejjaħ dnub mejjet.” L-espressjoni “dnub mejjet” tistaʼ tiġi tradotta wkoll ‘dnub li jwassal għall-mewt.’ X’differenza hemm bejn ‘dnub li jwassal għall-mewt’ u “dnub li ma jwassalx għall-mewt”?—1 Ġwanni 5:16, Il-Bibbja, GħBM.
Il-Bibbja tagħmilha ċara li d-dnubiet kollha jwasslu għall-mewt. Madankollu, nistgħu niġu salvati mid-dnub u l-mewt permezz tas-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Ġesù Kristu. (Rumani 5:12; 6:23) Iżda ‘dnub li jwassal għall-mewt’ hu wieħed li mhux mifdi bil-fidwa taʼ Kristu. Persuna li tagħmel dan it-tip taʼ dnub hija tant determinata li ssegwi korsa midinba li qatt mhu se tbiddel l-attitudni jew il-kondotta tagħha. Ukoll, il-Bibbja tirreferi għal dnub bħal dan bħala wieħed li “ma jinħafirx.”—Mattew 12:31; Luqa 12:10.
a Il-lista taʼ ħmistax-il eżempju taʼ dnubiet serji li tinsab f’Galatin 5:19-21 ma tiġborx kollox, għax wara li jissemmew, il-Bibbja żżid il-kliem “u affarijiet bħal dawn.” Għalhekk, il-qarrej hu inkuraġġit biex juża d-dixxerniment ħalli jidentifika affarijiet li jistgħu ma jkunux imniżżlin imma li huma “bħal dawn.”
b Proverbji 6:16 fih eżempju taʼ idjoma Ebrajka li tenfasizza t-tieni numru billi tpoġġih f’kuntrast mal-ewwel wieħed. Din it-tip taʼ espressjoni tidher spiss fl-Iskrittura.—Ġob 5:19; Proverbji 30:15, 18, 21.