X’inhi s-sema?
It-tweġiba tal-Bibbja
Fil-Bibbja, il-kelma “sema” tintuża fi tliet modi differenti: (1) is-smewwiet letterali; (2) fejn jgħixu l-ispirti; u (3) simbolu taʼ pożizzjoni għolja jew importanti. F’kull każ, il-kuntest jgħinna nifhmu t-tifsira korretta. a
Is-smewwiet letterali. Hawnhekk, il-kelma “smewwiet” tirreferi għall-atmosfera tal-art, fejn jonfoħ ir-riħ, fejn itiru l-għasafar, fejn is-sħab iġib ix-xita u l-borra, u fejn jidhru s-sajjetti. (Salm 78:26; Proverbji 30:19; Isaija 55:10; Luqa 17:24) Tistaʼ tintuża wkoll biex tirreferi għall-ispazju, il-post fejn hemm “ix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb.”—Dewteronomju 4:19; Ġenesi 1:1.
Fejn jgħixu l-ispirti. It-terminu “sema” jintuża wkoll biex jirreferi għas-smewwiet spiritwali, jew il-post fejn jgħixu l-ispirti, stat iktar għoli taʼ eżistenza, ’il fuq u separat minn dak tal-univers fiżiku. (1 Slaten 8:27; Ġwanni 6:38) Dawn is-smewwiet spiritwali huma l-post fejn jgħix Alla Ġeħova, li hu “Spirtu,” kif ukoll l-anġli spirti li hu ħalaq. (Ġwanni 4:24; Mattew 24:36) Kultant, “is-smewwiet” jirrappreżentaw l-anġli leali kollha, “il-kongregazzjoni tal-qaddisin.”—Salm 89:5-7.
Il-Bibbja tuża wkoll “smewwiet” biex tirreferi għall-post speċifiku fejn joqgħod Ġeħova, il-post ‘fejn jgħammar.’ (1 Slaten 8:43, 49; Ebrej 9:24; Rivelazzjoni 13:6) Pereżempju, il-Bibbja bassret, li Satana u d-demonji kienu se jitkeċċew mis-sema, ma jitħallewx iktar jidħlu fil-preżenza taʼ Ġeħova. Madankollu, huma xorta għadhom ħlejjaq spirti.—Rivelazzjoni 12:7-9, 12.
Simbolu taʼ pożizzjoni għolja. L-Iskrittura tuża l-kelma “sema” biex tirrappreżenta pożizzjoni għolja, normalment pożizzjoni t’awtorità. Pożizzjoni bħal din tistaʼ tiġi okkupata minn:
Alla Ġeħova nnifsu, is-Sovran li jistaʼ kollox.—2 Kronaki 32:20; Luqa 15:21.
Is-Saltna t’Alla, il-gvern li se jieħu post it-tmexxija tal-bniedem. Il-Bibbja tirreferi għal din is-Saltna bħala “smewwiet ġodda.”—Isaija 65:17; 66:22; 2 Pietru 3:13. b
Kristjani li għalkemm għadhom jgħixu fuq l-art, għandhom it-tama li jmorru fis-sema.—Efesin 2:6.
Gvernijiet umani li għollew lilhom infushom fuq is-sudditi tagħhom.—Isaija 14:12-14; Danjel 4:20-22; 2 Pietru 3:7.
Spirti mill-agħar li bħalissa qed jaħkmu fuq id-dinja.—Efesin 6:12; 1 Ġwanni 5:19.
X’hemm fis-sema spiritwali?
Dan il-post spiritwali huwa mimli attività. Fih mijiet taʼ miljuni taʼ ħlejjaq spirti li qed iwettqu l-kelma taʼ Ġeħova.—Salm 103:20, 21; Danjel 7:10.
Il-Bibbja tiddeskrivi s-sema bħala post mimli dawl qawwi. (1 Timotju 6:15, 16) Fil-viżjoni tas-sema li rċieva Eżekjel kien hemm “dija” qawwija, filwaqt li fil-viżjoni tas-sema li ra Danjel “kien hemm nixxiegħa tan-nar.” (Eżekjel 1:26-28; Danjel 7:9, 10) Is-sema hija qaddisa, jew nadifa, u tal-għaġeb.—Salm 96:6; Isaija 63:15; Rivelazzjoni 4:2, 3.
Kull meta l-Bibbja titkellem dwar is-smewwiet, dejjem tagħtina stampa tal-għaġeb. (Eżekjel 43:2, 3) Minkejja dan, mhuwiex possibbli għall-bnedmin li jifhmu kompletament dak li hemm fis-sema ladarba dan hu post bil-wisq ogħla minn dak li s-sensi tagħna jistgħu jifhmu.
a Il-kelma Ebrajka tradotta “sema,” milli jidher tiġi minn kelma oħra li tfisser “għoli,” jew “superjuri.” (Proverbji 25:3) Ara The New Brown, Driver, and Briggs Hebrew and English Lexicon of the Old Testament, paġna 1029.
b McClintock and Strong’s Cyclopedia tgħid li s-smewwiet ġodda f’Isaija 65:17, ifissru “gvern ġdid, saltna ġdida.”—Volume IV, paġna 122.