Xi tfisser il-kelma “qaddis”?
It-tweġiba tal-Bibbja
Li xi ħaġa jew xi ħadd ikun qaddis ifisser li jkun separat minn dak li hu mniġġes. Fil-fatt, il-kelma Ebrajka tradotta “qaddis” ġejja minn terminu li jfisser “separat.” Għalhekk, dak li hu qaddis hu meqjus sagru, speċjalment minħabba li hu nadif u pur.
Alla hu l-iktar wieħed qaddis. Il-Bibbja tgħid: “M’hemm ħadd qaddis bħal Ġeħova.” a (1 Samwel 2:2) Allura, bix-xieraq Alla hu dak li jiddeċiedi x’inhu qaddis.
Il-kelma “qaddis” tistaʼ tirreferi għal kwalunkwe ħaġa li hi konnessa b’mod dirett m’Alla, speċjalment affarijiet li jintużaw għall-qima biss. Pereżempju, il-Bibbja titkellem dwar:
Postijiet qaddisa: Meta Mosè kien ħdejn l-għollieqa taqbad bin-nar, Alla qallu: “Il-post fejn int wieqaf hu art qaddisa.”—Eżodu 3:2-5.
Avvenimenti qaddisa: L-Iżraelin tal-qedem kienu jqimu lil Ġeħova f’festi reliġjużi li kienu jsiru b’mod regolari. Dawn kienu jissejħu “konvenzjonijiet imqaddsin.”—Levitiku 23:37.
Oġġetti qaddisa: Oġġetti li kienu jintużaw fil-qima lil Alla fit-tempju tal-qedem f’Ġerusalemm kienu jissejħu “għodod imqaddsin.” (1 Slaten 8:4) Oġġetti sagri bħal dawn kellhom jintużaw b’rispett kbir, però qatt ma kellhom jingħataw qima. b
Tistaʼ persuna imperfetta tkun qaddisa?
Iva. Alla jikkmandahom hekk lill-Kristjani: “Kunu qaddisin, għax jien qaddis.” (1 Pietru 1:16) Ovvjament, nies imperfetti qatt ma jistaʼ jkollhom il-livell perfett taʼ qdusija t’Alla. Madankollu, nies li jobdu l-liġijiet ġusti t’Alla jistgħu jitqiesu ‘qaddisin u aċċettabbli għal Alla.’ (Rumani 12:1) Persuna li tagħmel ħilitha biex tkun qaddisa turi dan bi kliemha u bl-azzjonijiet tagħha. Pereżempju, hu jew hi timxi fi qbil mal-pariri tal-Bibbja biex ‘titqaddes u titbiegħed miż-żína,’ jiġifieri mill-immoralità sesswali, u biex tkun ‘qaddisa fil-kondotta kollha tagħha.’—1 Tessalonikin 4:3; 1 Pietru 1:15.
Tistaʼ persuna ma tibqax qaddisa f’għajnejn Alla?
Iva. Jekk xi ħadd ma jibqax iġib ruħu skont il-livelli t’Alla, Alla ma jibqax iqisu qaddis. Pereżempju, il-ktieb Bibliku tal-Ebrej hu indirizzat għall-“aħwa qaddisin,” però jwissi li dawn jistaʼ jibda jkollhom ‘qalb mill-agħar li tkun nieqsa mill-fidi u jitbiegħdu mill-Alla l-ħaj.’—Ebrej 3:1, 12.
Ideat żbaljati dwar li wieħed ikun qaddis
Idea żbaljata: Wieħed jistaʼ jkun qaddis billi jiċċaħħad minn ċerti affarijiet jew jaħqar lilu nnifsu.
Fatt: Il-Bibbja turi li “trattament aħrax tal-ġisem,” jew li wieħed jiċċaħħad b’mod estrem, ‘ma jiswa xejn’ għal Alla. (Kolossin 2:23) Anzi, Alla jridna ngawdu affarijiet tajbin. “Kull bniedem għandu jiekol u jixrob u jgawdi affarijiet tajbin għax-xogħol iebes kollu tiegħu. Din hi l-għotja t’Alla.”—Ekkleżjasti 3:13.
Idea żbaljata: Wieħed li jkun ċelibat ikun iktar qaddis.
Fatt: Kristjan jistaʼ jagħżel li ma jiżżewwiġx. Però, il-fatt li wieħed ikun ċelibat, jiġifieri ma jiżżewwiġx u ma jkollux relazzjonijiet sesswali għal raġunijiet reliġjużi, ma jagħmlux qaddis f’għajnejn Alla. Huwa minnu li dawk li jibqgħu single jistaʼ jkollhom inqas xi jtellifhom fil-qima tagħhom. (1 Korintin 7:32-34) Madankollu, il-Bibbja turi li anki dawk miżżewġin jistgħu jkunu qaddisa. Fil-fatt, minn tal-inqas wieħed mill-appostli taʼ Ġesù—Pietru—kien miżżewweġ.—Mattew 8:14; 1 Korintin 9:5.
a Ġeħova hu l-isem personali t’Alla. Mijiet taʼ versi tal-Bibbja jassoċjaw dan l-isem mal-kliem “qaddis” u “qdusija.”
b Il-Bibbja tikkundanna li n-nies iqimu r-relikwi. Relikwi huma fdalijiet tal-ġisem taʼ xi ħadd mejjet li kien meqjus bħala qaddis jew xi oġġetti li ġew f’kuntatt miegħu.—1 Korintin 10:14.