Il-Ġenituri Tiegħi Għala Ma Jħallunix Niddeverti?
Immaġina dan li ġej:
Tixtieq tmur party, imma m’intix ċert jekk il-ġenituri tiegħek iħallukx tmur. Liema għażla kieku tagħmel?
1. MA TITLOBX PERMESS U TAQBAD U TOĦROĠ
Għala għandek mnejn tikkunsidra din l-għażla: Trid turi lil sħabek kemm int indipendenti sempliċement biex timpressjonahom. Tħoss li taf iktar mill-ġenituri tiegħek, jew ftit li xejn tirrispetta l-opinjoni tagħhom.—Proverbji 14:18.
Ir-riżultat: Għandek mnejn timpressjona lil sħabek, iżda wkoll huma se jitgħallmu xi ħaġa dwarek—li int qarrieq. Jekk int tqarraq bil-ġenituri tiegħek, jistaʼ jagħti l-każ li tkun lest li tqarraq bi sħabek ukoll. Jekk il-ġenituri tiegħek isiru jafu, se jħossuhom imweġġgħin u traduti, u x’aktarx se jagħmlulek xi tip taʼ restrizzjoni!—Proverbji 12:15.
2. MA TITLOBX PERMESS U MA TOĦROĠX
Għala għandek mnejn tikkunsidra din l-għażla: Int tikkunsidra l-istedina u tiddeċiedi li din it-tip taʼ rikreazzjoni mhijiex fi qbil mal-prinċipji tiegħek jew li xi wħud minn dawk li ġew mistidnin huma kumpanija ħażina. (1 Korintin 15:33; Filippin 4:8) Mill-banda l-oħra, għandek mnejn tkun tixtieq tmur iżda ma jkollokx il-kuraġġ titlob permess mingħand il-ġenituri tiegħek.
Ir-riżultat: Jekk ma tmurx għax taf li ma tkunx idea tajba, se tħossok iktar kunfidenti meta tagħti spjegazzjoni lil sħabek. Iżda jekk ma tmurx sempliċement għax ma jkollokx il-kuraġġ titlob permess mingħand il-ġenituri tiegħek, għandek mnejn tispiċċa toqgħod id-dar thewden u tħoss li int l-unika persuna li mhix qed tiddeverti.
3. ITLOB PERMESS U ARA X’JIĠRI
Għala għandek mnejn tikkunsidra din l-għażla: Int tirrispetta l-awtorità li l-ġenituri tiegħek għandhom fuqek u tirrispetta wkoll l-opinjoni tagħhom. (Kolossin 3:20) Lill-ġenituri tiegħek tħobbhom u ma tridx tweġġagħhom billi toħroġ minn wara daharhom. (Proverbji 10:1) Ukoll, ikollok l-opportunità li tesprimi l-opinjoni tiegħek magħhom.
Ir-riżultat: Il-ġenituri tiegħek se jħossu li int tħobbhom u tirrispettahom. U jekk jaraw li dak li qed titlobhom ikun raġunevoli, hemm iktar ċans li jagħtuk permess.
Għala l-Ġenituri Għandhom Mnejn Ma Jagħtukx Permess
Raġuni waħda tistaʼ tiġi spjegata b’dan il-mod: Kieku kellek l-għażla, x’aktarx kont tippreferi tgħum f’bajja li tkun mgħassa sew mil-lifeguards. Għala? Għax waqt li int tkun qed tieħu pjaċir fil-baħar, ftit li xejn tkun konxju tal-perikli li jistaʼ jkun hemm madwarek. Imma l-lifeguards ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jaraw dawn il-perikli. B’mod simili, minħabba li l-ġenituri tiegħek għandhom aktar għarfien u esperjenza minnek, għandhom mnejn jaraw ċerti perikli li int ma tkunx konxju tagħhom. Bħal-lifeguards, l-intenzjoni tal-ġenituri tiegħek mhijiex li jtellfulek il-pjaċir kollu imma li jgħinuk tevita l-perikli li jistgħu jisirqulek il-kuntentizza f’ħajtek.
Hawn raġuni oħra: Il-ġenituri tiegħek jixtiequ biss jipproteġuk. L-imħabba timmotivahom jgħidulek iva meta jkunu jistgħu, imma le meta ma jkunx possibbli. Meta titlobhom permess biex tagħmel xi ħaġa, huma jistaqsu lilhom infushom jekk jistgħux jaqtgħulek xewqtek u jekk ikunux lesti li jaċċettaw il-konsegwenzi. Huma jgħidu iva, kemm lilhom infushom u kemm lilek, biss jekk ikunu pjuttost konvinti li dan mhu se jkun tal-ebda ħsara għalik.
Kif Iżżid il-Probabbiltà li Jagħtuk Permess
Dak li tistaʼ tagħmel
Kun onest: Staqsi lilek innifsek: ‘X’inhi r-raġuni vera għala rrid immur? Hija proprju l-attività nfisha li togħġobni? Jew nixtieq immur biex niġi aċċettat minn sħabi? Nixtieq immur minħabba li xi ħadd li jogħġobni se jkun hemm ukoll?’ Mela kun onest mal-ġenituri tiegħek. Xi darba anki huma kienu żgħażagħ u lilek jafuk sew. Allura, x’aktarx li xorta waħda se jagħrfu l-motivi veri tiegħek. Huma se japprezzaw l-onestà tiegħek u int se tibbenefika mill-għerf tagħhom. (Proverbji 7:1, 2) Mill-banda l-oħra, jekk ma tkunx onest, se tnaqqas il-probabbiltà li jagħtuk permess.
Agħżel ħin adattat: Tibbombardjax lill-ġenituri tiegħek b’dak li tixtieq titlobhom eżatt malli jaslu lura d-dar mix-xogħol jew meta jkunu qed jikkonċentraw fuq affarijiet oħrajn. Avviċinahom meta jkunu iktar rilassati. Imma tħallix għall-aħħar minuta, u b’hekk tipprova tagħmlilhom pressjoni biex jagħtuk tweġiba fil-pront. Il-ġenituri tiegħek jiddejqu jieħdu deċiżjoni taʼ malajr. Itlobhom permess kemm jistaʼ jkun minn qabel biex tagħtihom ċans jaħsbuha.
Kun ċar: Tkunx vag fi kliemek. Spjega eżattament dak li tkun trid tagħmel. Il-ġenituri ma jiħdux pjaċir bit-tweġiba, “Ma nafx,” speċjalment meta jistaqsuk, “Min se jkun hemm?” “Se jkun hemm xi adult responsabbli magħkom?” jew “Xħin ħa tidħol lura d-dar?”
Uri attitudni xierqa: Tħarisx lejn il-ġenituri tiegħek bħala għedewwa. Ħares lejhom bħala li qegħdin fuq in-naħa tiegħek, għax wara kollox hekk hu. Jekk tittratta lill-ġenituri tiegħek bħala ħbieb, hemm inqas ċans li tinstemaʼ aħrax fi kliemek u huma x’aktarx ħa jikkooperaw aktar miegħek.
Uri lill-ġenituri tiegħek li int matur biżżejjed biex tirrispetta d-deċiżjoni tagħhom u tbaxxi rasek għaliha. Jekk tagħmel hekk, huma se jirrispettawk ukoll. U d-darba li jkun imiss, hemm iktar ċans li jfittxu modi biex jagħtuk permess.