Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Il-Bullying—Kif Nista’ Nkampa Miegħu?

Il-Bullying—Kif Nista’ Nkampa Miegħu?

 Il-bullying hu xi ħaġa serja. Minn stħarriġ li sar fil-Britannja nstab li f’iktar minn 40 fil-mija mis-suwiċidji taż-żgħażagħ li jiġu rapportati fil-mezzi tax-xandir ikun jidher li hemm involut il-bullying.

 X’inhu l-bullying?

 Il-bullying jinkludi iktar minn ħsara fiżika. Jistaʼ jinvolvi wkoll dan li ġej:

  •   Jattakkawk verbalment. “It-tfajliet jistgħu jkunu veru ħodor fi kliemhom,” tgħid Celine li għandha 20 sena. “Qatt ma se ninsa l-kliem li għajruni bih jew l-affarijiet li qaluli. Ġegħluni nħossni ma niswa għal xejn, m’iniex maħbuba, u ma jien tajba għal xejn. Aħjar tawni daqqa taʼ ponn.”

  •   Iwarrbuk. Haley, li għandha 18-il sena, tgħid: “Sħabi tal-iskola bdew iwarrbuni. Kienu jagħmlu tabirruħhom li ma kienx hemm post għalija fuq il-mejda fil-brejk. Għal sena sħiħa bkejt u kilt waħdi.”

  •   Jagħmlu bullying permezz tal-Internet. Daniel, li għandu 14-il sena, jgħid: “Billi tagħfas ftit buttuni tal-keyboard tal-kompjuter tistaʼ tħassar ir-reputazzjoni taʼ xi ħadd​—jew saħansitra tagħmillu ħajtu miżerja. Forsi tinstemaʼ qisha esaġerazzjoni, imma tistaʼ tiġri!” Dan jinkludi wkoll li jintbagħtu ritratti jew messaġġi imbarazzanti bil-mowbajl.

 Xi nies għala jsiru bulijiet?

 Dawn huma xi raġunijiet komuni:

  •   Xi ħadd ikun għamilha taʼ bùli magħhom. “Tant kont xbajt niġi ttrattat ħażin minn dawk tampari li jien stess bdejt nagħmilha taʼ bùli sempliċement biex jaċċettawni,” jammetti żagħżugħ jismu Antonio. “Iktar tard ħsibt dwar dak li għamilt u indunajt kemm kont aġixxejt ħażin!”

  •   M’għandhomx eżempji tajbin biex jimitaw. “Spiss bùli li jkun għadu żgħir jittratta lil ħaddieħor . . . bil-mod kif jara lill-ġenituri, lil ħutu akbar minnu, jew lil qraba oħrajn jittrattaw lil oħrajn,” jikteb Jay McGraw fil-ktieb tiegħu Life Strategies for Dealing With Bullies.

  •   Jaġixxu bħallikieku huma superjuri​—mentri fil-fatt iħossuhom inferjuri. “Bulijiet li jidhru li jħossuhom superjuri spiss jużaw din is-superjorità biex jaħbu l-fatt li huma mweġġgħin profondament u jħossuhom mhumiex kapaċi,” tgħid Barbara Coloroso fil-ktieb tagħha The Bully, the Bullied, and the Bystander.

 Min għandu l-iktar ċans li jsir vittma tal-bullying?

  •   Uħud li jinqatgħu għalihom. Xi żgħażagħ li ma tantx jafu jmorru man-nies jinqatgħu għalihom, u b’hekk jagħmluha faċli għall-bulijiet biex jaqbdu magħhom.

  •   Żgħażagħ li jitqiesu bħala li huma differenti. Xi żgħażagħ jaqgħu vittma tal-bulijiet minħabba d-dehra, ir-razza, jew ir-reliġjon tagħhom jew anke għax għandhom xi diżabilità​—kwalunkwe ħaġa li bùli jistaʼ juża biex jaqbad maʼ dak li jkun.

  •   Żgħażagħ li m’għandhomx stima xierqa tagħhom infushom. Bulijiet jistgħu jindunaw b’dawk li jaħsbu b’mod negattiv dwarhom infushom. Spiss ikun faċli li l-bulijiet jaqbdu maʼ dawn l-individwi għax ma tantx jiġġieldu lura.

 X’tistaʼ tagħmel jekk xi ħadd qed jaqbad miegħek?

  •   Tirreaġixxix. “Il-bulijiet iridu jkunu jafu li qed jirnexxilhom iġegħluk tħossok ħażin dwarek innifsek,” tgħid tfajla jisimha Kylie. “Jekk ma tirreaġixxix, jitilfu l-interess.” Il-Bibbja tgħid: “L-għaref iżomm kalm sa l-aħħar.”—Proverbji 29:11.

  •   Tpattix. Jekk tpatti se tkabbar il-problema minflok ma ssolviha. Il-Bibbja tgħid: “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara.”—Rumani 12:17; Proverbji 24:19.

  •   Evita l-inkwiet. Sakemm jiddependi minnek, evita nies u sitwazzjonijiet li fihom hemm ċans li jkun hemm il-bullying.Proverbji 22:3.

  •   Ipprova wieġeb b’mod li ma jkunux qed jistennew. Il-Bibbja tgħid: “Tweġiba, meta tkun ħelwa, tkeċċi l-korla.”—Proverbji 15:1.

  •   Ħudhom biċ-ċajt. Pereżempju, jekk bùli jisħaq li għandek piż żejjed, tistaʼ sempliċement tgħidlu, “Vera, ma nagħmilx ħażin jekk nonqos ftit!”

  •   Itlaq ’l hemm. “Is-silenzju juri li int matur u li int iktar b’saħħtek minn dak li qed jaqbad miegħek,” tgħid Nora li għandha 19-il sena. “Dan juri li għandek ir-rażan​—xi ħaġa li l-bùli m’għandux.”

  •   Stinka biex ikollok stima xierqa lejk innifsek. “Il-bulijiet jindunaw meta tkun ansjuż,” tgħid tfajla jisimha Rita, “u għandhom mnejn jaħtfu l-opportunità biex jeqirdu kwalunkwe stima li għandek lejk innifsek.”

  •   Għid lil xi ħadd. Skont stħarriġ li sar, iktar minn nofs il-vittmi kollha li jiġu bullied onlajn ma jgħidu lil ħadd b’dak li jkun qed jiġri. Dan jistaʼ jkun għax iħossuhom imbarazzati (speċjalment fil-każ tas-subien) jew għax jibżgħu li l-bulijiet ipattuhielhom. Imma tinsiex li l-bulijiet jaħdmu l-aħjar meta ħadd ma jkun jaf x’inhuma jagħmlu. Jekk titkellem maʼ xi ħadd tistaʼ tkun qed tieħu l-ewwel pass biex issolvi l-problema.