IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Kemm Jien Responsabbli?
Eżamina lilek innifsek!
Jien . . . dejjem, kważi dejjem, kultant, jew qatt ma nkun
onest
taʼ min joqgħod fuqi
puntwali
bieżel
organizzat
t’għajnuna
ġust
rispettuż
Liema minn dawn il-kwalitajiet tispikka l-iżjed fik?
Proset, ibqaʼ sejjer hekk!—Filippin 3:16.
Fuq liema kwalità trid taħdem l-iktar?
L-informazzjoni li ġejja se tgħinek titjieb f’dan l-aspett.
Xi jfisser li tkun responsabbli?
Nies responsabbli jwettqu d-dmirijiet tagħhom fid-dar, fl-iskola, u fil-komunità. Huma jagħrfu li jridu jagħtu kont għall-azzjonijiet tagħhom. Allura meta jiżbaljaw, jammettuh, jiskużaw ruħhom, u jagħmlu minn kollox biex jirranġaw l-iżball.
Il-Bibbja tgħid: “Kull wieħed iġorr it-tagħbija tiegħu.”—Galatin 6:5.
Għala għandi nkun nixtieq inkun responsabbli?
Bniedem responsabbli juża t-talenti tiegħu b’mod għaqli u hemm iżjed probabbiltà li jiġi rispettat, li jiġi trattat bħala adult, u li jingħata libertà u privileġġi.
Il-Bibbja tgħid: “Rajt lil xi ħadd tas-sengħa f’xogħlu? Quddiem is-slaten se joqgħod.”—Proverbji 22:29.
Bniedem responsabbli ġeneralment ikun ġeneruż u x’aktarx li iktar igawdi ħbiberiji sodisfaċenti.
Il-Bibbja tgħid: “Idraw agħtu, u n-nies jagħtukom.”—Luqa 6:38.
Bniedem responsabbli jħoss sens taʼ sodisfazzjon u kburija xierqa, u dan jagħmlu iktar kunfidenti fih innifsu.
Il-Bibbja tgħid: “Kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu, u mbagħad ikollu għalxiex jifraħ b’dak li jagħmel hu stess.”—Galatin 6:4.
Kif nistaʼ nkun iktar responsabbli?
Biex jgħinuk twieġeb din il-mistoqsija, ħares lejn l-istqarrijiet li ġejjin. Liema minnhom jiddeskrivu l-aħjar kif tħossok int?
“Kemm niddejjaq niġi trattata bħal tifla żgħira, li ma tistax tgħaddi siegħa mingħajr ma jkollha tikkuntattja lill-Mummy u d-Daddy!”—Kerri.
“Il-ġenituri tiegħi ġeneralment iħalluni noħroġ maʼ sħabi mingħajr inkwiet.”—Richard.
“Meta nara żgħażagħ oħra daqsi u nara xi jħalluhom jagħmlu, ngħid bejni u bejn ruħi: ‘Illaħwa! Lili għax ma jħallunix nagħmel hekk il-ġenituri tiegħi?’”—Anne.
“Il-ġenituri tiegħi bażikament iħalluna nagħmel li rrid. Jien grata lejhom li jagħtuni l-libertà li għandi.”—Marina.
Il-konklużjoni: Xi żgħażagħ jingħataw iktar libertà minn oħrajn. X’jistaʼ jagħmel id-differenza?
Fatt tal-ħajja: Spiss, l-ammont taʼ libertà li tingħata jkun determinat minn kemm tkun ksibt fiduċja.
Pereżempju, ikkunsidra x’għandhom xi jgħidu tnejn miż-żgħażagħ kwotati qabel.
Richard: “Kien hemm żmien li l-ġenituri tiegħi kienu dubjużi jekk il-libertà stajtx nużaha bil-għaqal. Imma issa jafdawni għaliex użajt il-libertà tiegħi b’mod responsabbli. Ma nigdibx lill-ġenituri dwar fejn inkun sejjer jew maʼ min se noħroġ. Fil-fatt, ġeneralment ngħid lill-ġenituri x’se nagħmel mingħajr ma jkollhom għalfejn jistaqsuni.”
Marina: “Lill-ġenituri tiegħi darbtejn gdibtilhom f’ħajti kollha, u d-darbtejn inqbadt. Minn dak iż-żmien ’il quddiem, kont onesta mal-ġenituri tiegħi. Pereżempju, dejjem ngħidilhom x’se nagħmel, u mbagħad inċemplilhom meta nkun barra. Issa jafdawni ħafna iktar.”
Tixtieq li tiġi trattat iktar bħal Richard u Marina? Mela eżamina lilek innifsek fl-oqsma li ġejjin:
L-IMĠIBA TIEGĦEK FID-DAR
Tlestih b’mod responsabbli x-xogħol li tingħata fid-dar?
Iżżomm b’mod strett mal-ħin li l-ġenituri jkunu jriduk id-dar?
Tittratta lill-ġenituri u lil ħutek b’rispett?
Fuq liema minn dawn il-punti forsi għandek bżonn taħdem?
Il-Bibbja tgħid: “Obdu lill-ġenituri tagħkom.”—Efesin 6:1.
L-EDUKAZZJONI TIEGĦEK
Tlesti l-ħowmwerk fil-ħin?
Qed tagħmel sforz biex ittejjeb il-marki tiegħek?
Għandek drawwiet taʼ studju tajbin?
Fuq liema minn dawn il-punti forsi għandek bżonn taħdem?
Il-Bibbja tgħid: “L-għerf hu protezzjoni.” (Ekkleżjasti 7:12) Edukazzjoni tajba se tgħinek tiżviluppa l-għerf.
IR-REPUTAZZJONI TIEGĦEK
Onest int mal-ġenituri tiegħek u m’oħrajn?
Tuża l-flus b’mod għaqli?
Għandek reputazzjoni li int taʼ min joqgħod fuqek?
Fuq liema minn dawn il-punti forsi għandek bżonn taħdem?
Il-Bibbja tgħid: ‘Ilbes il-personalità l-ġdida.’ (Efesin 4:24) Int tistaʼ ttejjeb il-kwalitajiet u r-reputazzjoni tiegħek.
Suġġeriment: Agħżel qasam li fih għandek bżonn titjieb. Tkellem m’oħrajn li jispikkaw f’dan il-qasam, u itlobhom xi pariri. Ikteb modi speċifiċi kif se taħdem fuq din il-kwalità, u mbagħad għal xahar żomm nota biex tara l-progress tiegħek. Fi djarju ikteb meta jirnexxilek u meta jkun hemm xi ħaġa li titfgħak lura. Ara kif tkun mort fl-aħħar tax-xahar.