Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Kif nistaʼ nqassam il-ħin?

Kif nistaʼ nqassam il-ħin?

 Għala għandi nqassam il-ħin?

  •   Il-ħin hu bħall-flus. Jekk taħlih, ma ssibux meta tiġi bżonnu. Mill-banda l-oħra, jekk toqgħod attent kif tqattaʼ l-ħin, se jkollok ċans biex tagħmel l-affarijiet li tieħu pjaċir bihom!

     Prinċipju Bibliku: “L-għażżien qed juri li hu xewqan, imma m’għandu xejn. Madankollu, in-nies ħabrieka se jitqawwew [jew “ikunu sodisfatti għall-aħħar”].”—Proverbji 13:4.

     L-iktar ħaġa importanti: Meta tippjana kif se tqassam il-ħin, se jkollok iktar libertà u mhux inqas!

  •   Li tkun taf tqassam il-ħin sew hi abbiltà importanti li se tiġi bżonnha matul ħajtek kollha. Dan kif jistaʼ jeffettwak? Dan jistaʼ jgħinek iżżomm ix-xogħol li għandek jew iwasslek biex titilfu. Wara kollox, jekk ikollok xi business, sejjer int iżżomm impjegat li dejjem jasal tard għax-xogħol?

     Prinċipju Bibliku: “Min juri fedeltà fl-inqas ħaġa juri fedeltà wkoll fil-ħafna.”—Luqa 16:10.

     L-iktar ħaġa importanti: L-abbiltà taʼ li tqassam il-ħin tikxef xi ħaġa dwar il-karattru tiegħek.

 Imma biex ngħidu kollox, li tqassam il-ħin sew mhux faċli. Ikkunsidra xi ftit diffikultajiet.

 L-1 diffikultà: Il-ħbieb

 “Jekk il-ħbieb isaqsuni biex noħroġ magħhom, kważi dejjem naċċetta anki jekk ma jkollix ċans. Dak il-ħin nirraġuna, ‘Issa la mmur id-dar nagħmel dak li kelli nagħmel taʼ fuq fuq.’ Mhux dejjem jirnexxili, u b’hekk l-affarijiet jispiċċaw ħażin ħafna.”​—Cynthia.

 It-2 diffikultà: Affarijiet li jaljenawk

 “It-televixin hu bħal vacuum cleaner. Dan jiġbdek bil-programmi u films, li jagħmluhielek diffiċli biex tieqaf tarahom.”​—Ivy.

 “Nagħmel sigħat sħaħ fuq it-tablet. Meta taqagħli l-battery, ninduna kemm inkun ħlejt ħin.”​—Marie.

 It-3 diffikultà: Li wieħed iħalli għall-aħħar

 “Għandi ħabta nħalli għall-aħħar l-assignments tal-iskola u kull ħaġa oħra li jkolli bżonn nagħmel. Noqgħod naħli l-ħin nagħmel affarijiet bla sens sakemm nasal f’punt li bilfors ikolli nlesti l-assignments. Dan ma tantx hu mod tajjeb taʼ kif tqassam il-ħin.”​—Beth.

Meta tippjana kif se tqassam il-ħin, se jkollok iktar libertà u mhux inqas

 Dak li tistaʼ tagħmel

  1.   Agħmel lista tal-affarijiet li trid tagħmel. Eżempji taʼ dan jistgħu jkunu t-tindif tad-dar u l-homework. Ikteb kemm taħseb li se tieħu ħin biex tlesti kull ħaġa f’ġimgħa normali.

     Prinċipju Bibliku: ‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’—Filippin 1:10.

  2.   Agħmel lista tal-affarijiet li tixtieq tagħmel fil-ħin liberu tiegħek. Dan jinkludi li toqgħod fuq l-Internet u tara t-televixin. Hawnhekk ukoll ikun tajjeb li tikteb kemm se tqattaʼ ħin f’kull ħaġa li tagħmel fil-ħin liberu tiegħek f’ġimgħa normali.

     Prinċipju Bibliku: “Ibqgħu mexjin bl-għerf . . . , u użaw il-ħin bl-aħjar mod.”—Kolossin 4:5.

  3.   Agħmel pjan. Erġaʼ ara ż-żewġ listi li għamilt. Għandek biżżejjed ħin għall-affarijiet importanti? Hemm bżonn li tnaqqas mill-ħin liberu tiegħek?

     Suġġeriment: Agħmel lista taʼ x’għandek tagħmel kuljum u aqtaʼ kull ħaġa li tlesti.

     Prinċipju Bibliku: “Il-pjanijiet tal-ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih.”—Proverbji 21:5.

  4.   Żomm mal-pjan. Veru, forsi kultant ikollok tirrifjuta xi stedina biex tlaħħaq tagħmel l-affarijiet importanti. Però, b’mod ġenerali, se tinduna li għandek iktar ħin liberu—u se tieħu iktar pjaċir bih.

     Prinċipju Bibliku: “Titnikkrux f’xogħolkom.”—Rumani 12:11.

  5.   Ippremja lilek innifsek—imma mhux mill-ewwel. “Kultant inlesti żewġ affarijiet mil-lista li nkun għamilt,” tgħid żagħżugħa jisimha Tara, “imbagħad nirraġuna, ‘Owkej, mela issa nagħmel kwarta nara t-televixin, u mbagħad inkompli bix-xogħol.’ Li jiġri hu li kwarta nġebbidha nofsiegħa, u nofsiegħa tispiċċa siegħa, u bla ma ninduna, inkun ħlejt sagħtejn nara t-televixin!”

     X’inhi s-soluzzjoni? Qis dak li tieħu pjaċir tagħmel bħala premju talli tkun lestejt dak li kellek tagħmel—u mhux bħala parti mir-rutina taʼ kuljum.

     Prinċipju Bibliku: “Għall-bniedem m’hemm xejn aħjar milli . . . jgawdi affarijiet tajbin minħabba x-xogħol iebes tiegħu.”—Ekkleżjasti 2:24.