Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

X’Hemm Bżonn Inkun Naf Dwar li Nibgħat il-Messaġġi?

X’Hemm Bżonn Inkun Naf Dwar li Nibgħat il-Messaġġi?
  • :-) Meta jintużaw b’għaqal, il-messaġġi huma mod tajjeb kif iżżomm kuntatt.

  • :-( Meta jintużaw b’nuqqas t’għaqal, jistgħu jħassru l-ħbiberiji​—u r-reputazzjoni tiegħek.

Dan l-artiklu se jgħidlek x’għandek bżonn tkun taf dwar:

F’dan l-artiklu se ssib ukoll:

 Lil min tibgħat

 Ħafna żgħażagħ iqisu l-messaġġi bħala mezz taʼ komunikazzjoni li ma joqogħdux mingħajru. Il-messaġġi jippermettulek iżżomm kuntatt maʼ kwalunkwe persuna fil-lista tal-kuntatti tiegħek​—sakemm ma joġġezzjonawx il-ġenituri.

 “Missieri ma jiħux pjaċir meta jien u oħti noqogħdu nitkellmu mas-subien. Iħallina nkellmuhom fuq it-telefown tad-dar fil-kamra tas-salott, waqt li jkun hemm xi ħaddieħor preżenti.”​—Lenore.

 Dak li għandek bżonn tkun taf: Jekk taqbad u tagħti n-numru tiegħek lil ħaddieħor bl-addoċċ, tistaʼ tiġi fl-inkwiet.

 “Jekk ma toqgħodx attent dwar min ikollu n-numru tiegħek, x’aktarx se tirċievi messaġġi jew stampi li ma tridx.”​—Scott.

 “Jekk b’mod regulari tibgħat messaġġi lil membru tas-sess oppost, malajr tistaʼ tifforma rabta emozzjonali maʼ dik il-persuna.”​—Steven.

 Il-Bibbja tgħid: “Min hu prudenti jara l-gwaj u jinħeba.” (Proverbji 22:3) Billi tieħu ftit prekawzjonijiet tistaʼ tiskansa ħafna inkwiet.

 Storja vera: “Jien u ġuvni konna ħbieb u konna nibagħtu ħafna messaġġi lil xulxin. Jiena rraġunajt li sempliċement konna ħbieb sew. Ma ħsibtx li kienet problema sakemm hu qalli li kien żviluppa sentimenti romantiċi lejja. Meta nħares lura nara li ma messnix qattajt daqshekk ħin miegħu jew bgħattlu daqshekk messaġġi.”​—Melinda.

 Ikkunsidra: Ir-relazzjoni taʼ Melinda maʼ dan il-ġuvni kif taħseb li ġiet effettwata wara li ammetta kif ħassu dwarha?

 Biddel l-istorja! Melinda x’setgħet għamlet differenti ħalli hi u dan il-ġuvni kienu jibqgħu ħbieb u xejn iktar?

 Dak li tikteb fil-messaġġi

 Tant hu faċli tibgħat messaġġi u tieħu pjaċir tirċivihom li faċilment tinsa li n-nies jistgħu jinterpretaw ħażin dak li tikteb.

 Dak li għandek bżonn tkun taf: Kliem li jintbagħat permezz tal-messaġġi jistaʼ jiġi interpretat ħażin.

 “Bil-messaġġi ma tkunx taf x’inhuma l-emozzjonijiet jew it-ton tal-leħen​—anke jekk tuża smileys jew simboli oħra. Jistgħu jikkaġunaw nuqqas taʼ ftehim.”​—Briana.

 “Naf tfajliet li ħassru r-reputazzjoni tagħhom u li huma magħrufin bħala flirts minħabba dak li bagħtu fil-messaġġi lis-subien.​—Laura.

 Il-Bibbja tgħid: “It-tajjeb jaħseb x’iwieġeb.” (Proverbji 15:​28, Saydon) X’inhi l-lezzjoni? Erġaʼ aqra l-messaġġ tiegħek qabel ma tibagħtu!

 Meta tibgħat

 Jekk tuża s-sens komun tistaʼ tiżviluppa r-regoli tiegħek stess meta tiġi biex tibgħat il-messaġġi​—l-etikett f’li tibgħat il-messaġġi, kif isejħulu xi nies.

 Dak li għandek bżonn tkun taf: Jekk ma toqgħodx attent għall-manjieri tiegħek int u tibgħat, tistaʼ tagħti l-impressjoni li int persuna maledukata u li l-ħbieb timbottahom minflok ma tiġbidhom lejk.

 “Faċli tinsa l-etikett f’li tibgħat il-messaġġi. Insib ruħi f’konversazzjoni maʼ xi ħadd jew mal-mejda tal-ikel, u fl-istess ħin nibgħat il-messaġġi.”​—Allison.

 “Hu perikoluż li tibgħat il-messaġġi waqt li tkun qed issuq. Jekk taqlaʼ għajnejk minn fuq it-triq, tkun qed tissogra li jkollok inċident.”​—Anne.

 Il-Bibbja tgħid: “Għal kollox hemm żmien stabbilit, . . . żmien li toqgħod kwiet u żmien li titkellem.” (Ekkleżjasti 3:1, 7) Bħalma dan il-parir japplika għal meta titkellem, japplika wkoll għal meta tibgħat il-messaġġi!

 Suġġerimenti għal meta tibgħat il-messaġġi

Lil min tibgħat

  •  ;-) Obdi r-regoli tal-ġenituri.—Kolossin 3:20.

  •  ;-)Kun selettiv dwar lil min tagħti n-numru tiegħek. Meta b’edukazzjoni tirrifjuta li tagħti informazzjoni privata​—inkluż in-numru tal-mowbajl tiegħek​—tkun qed tiżviluppa abbiltà li teħtieġ meta tkun adult.

  •  ;-) Tagħtix kunfidenza żejda billi tifflertja bil-messaġġi. Jekk jiżviluppaw sentimenti romantiċi, tkun qed iġġib b’idejk il-frustrazzjoni u l-qsim taʼ qalb.

 “Bnejt reputazzjoni tajba mal-ġenituri tiegħi fejn jidħol l-użu tal-mowbajl, u għalhekk għandhom fiduċja li se nieħu deċiżjonijiet għaqlin dwar lil min inżid fil-lista tal-kuntatti tiegħi.”​—Briana.

Dak li tikteb fil-messaġġi

  •  ;-) Qabel ma tibda tikteb il-messaġġ tiegħek, staqsi lilek innifsek, ‘F’din is-sitwazzjoni, messaġġ ikun l-aħjar mezz taʼ komunikazzjoni?’ Jistaʼ jkun aħjar li tagħmel telefonata jew tistenna sa ma tkellem lill-persuna wiċċ imb wiċċ.

  •  ;-) Tikteb xejn f’messaġġ li kieku ma tgħidx f’wiċċ dak li jkun. “Jekk ma jmessux jintqal bil-kliem, mela ma jmessux jintbagħat b’messaġġ,” tgħid Sarah li għandha 23 sena.

 “Jekk xi ħadd jibgħatlek stampi provokattivi, għid lill-ġenituri tiegħek. Dan se jservi taʼ protezzjoni u se jibni l-fiduċja tal-ġenituri tiegħek fik.”​—Sirvan.

Meta tibgħat

  •  ;-) Iddeċiedi minn qabel meta m’intix se tħalli lilek innifsek tuża l-mowbajl. Tfajla jisimha Olivia tgħid, “Meta nkun qed niekol jew nistudja, ma nżommx il-mowbajl ħdejja. Matul il-laqgħat Kristjani nitfih ħalli ma tiġinix il-ħajra nittawwallu.”

  •  ;-) Aħseb f’ħaddieħor. (Filippin 2:4) Tibgħatx messaġġi meta tkun qed titkellem maʼ xi ħadd wiċċ imb wiċċ.

 “Għamilt ċerti regoli għalija nnifsi, bħal pereżempju li ma nibgħatx messaġġi meta nkun maʼ grupp taʼ ħbieb, sakemm ma jkunx għall-bżonn. Ukoll, ma nagħtix in-numru tiegħi lin-nies, sakemm ma nkunx diġà ħbieb magħhom.”​—Janelly.