Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

X’Nistaʼ Nagħmel Jekk Ma Obdejtx Waħda mir-Regoli tal-Ġenituri?

X’Nistaʼ Nagħmel Jekk Ma Obdejtx Waħda mir-Regoli tal-Ġenituri?

 Kważi kull familja għandha r-regoli bħal pereżempju, fi x’ħin għandek tidħol id-dar, kemm iddum tuża affarijiet elettroniċi, u kif tittratta lill-oħrajn.

 Imma xi ngħidu jekk ma obdejtx xi waħda mir-regoli tal-familja? Int ma tistax terġaʼ lura minn dak li għamilt, imma tistaʼ tagħmel xi ħaġa biex l-affarijiet ma jkomplux sejrin għall-agħar. Dan l-artiklu se jurik kif.

 Dak li m’għandekx tagħmel

  •   Jekk il-ġenituri tiegħek ma jafux li int ma obdejtx waħda mir-regoli, forsi titħajjar taħbi dak li għamilt ħażin.

  •   Jekk il-ġenituri jafu li int ma obdejtx waħda mir-regoli, forsi titħajjar issib xi skuża jew twaħħal f’xi ħaddieħor.

 L-ebda waħda minn dawn l-ideat mhi tajba. Għala? Għax li taħbi dak li għamilt jew li ssib skuża huwa nuqqas taʼ maturità. Dan juri lill-ġenituri tiegħek li int għadek mhux matur.

 “Li tigdeb qatt mhi idea tajba. Maż-żmien, il-ġenituri tiegħek se jsiru jafu l-verità u se tiġik agħar, għax id-dixxiplina li jagħtuk tkun iktar iebsa.”—Diana.

 Dak li għandek tagħmel

  •   Ammetti dak li għamilt. Il-Bibbja tgħid: “Min jgħatti n-nuqqasijiet tiegħu m’huwiex se jirnexxi.” (Proverbji 28:13) Il-ġenituri tiegħek jafu li m’intix perfett, imma jistennew li tkun onest magħhom.

     “Il-ġenituri tiegħek se jkunu lesti iktar li jaħfrulek jekk tgħidilhom il-verità. U meta tgħid il-verità, il-ġenituri se jafdawk iktar.”—Olivia.

  •   Itlob skuża. Il-Bibbja tgħid: ‘Ilbsu l-umiltà.’ (1 Pietru 5:5) Trid tkun umli biex tiskuża ruħek mingħajr ma toqgħod iġġib l-iskużi.

     “Nies li jħobbu jġibu l-iskużi, ma jagħtux kas meta jagħmlu xi ħaġa ħażina. Għalihom xejn mhu xejn.”—Heather.

  •   Aċċetta l-konsegwenzi. Il-Bibbja tgħid: “Isimgħu mid-dixxiplina.” (Proverbji 8:33) Evita li toqgħod tgerger u aċċetta d-dixxiplina li jagħtuk il-ġenituri.

     “Iktar ma tgerger minħabba d-dixxiplina, iktar ħa tagħmel is-sitwazzjoni agħar. Aċċetta d-dixxiplina u toqgħodx taħseb dwar dak li tlift.”—Jason.

  •   Aħdem biex jerġaʼ jkollhom il-fiduċja fik. Il-Bibbja tgħid: ‘Inżgħu l-personalità l-qadima li taqbel maʼ kif kontu ġġibu ruħkom qabel.ʼ (Efesin 4:22) Ibqaʼ agħmel dak li hu tajjeb biex il-ġenituri tiegħek ikunu jistgħu jerġgħu jafdawk.

     “Il-ġenituri tiegħek se jerġgħu jibdew jafdawk jekk tibqaʼ tieħu deċiżjonijiet tajbin u turihom li mhux se terġaʼ tagħmel l-istess żball.”—Karen.

 PARIR: Agħmel iktar minn dak li jistennew minnek il-ġenituri. Pereżempju, meta toħroġ u tkun sejjer lura d-dar, għidilhom li daqt se tasal anki jekk ma tkunx tard. Dan se jgħinhom jifhmu li inti qed taħdem biex jerġaʼ jkollhom il-fiduċja fik.