Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

X’Nistaʼ Nagħmel Jekk Qed Inġib Marki Baxxi?

X’Nistaʼ Nagħmel Jekk Qed Inġib Marki Baxxi?

 “Fil-klassi tiegħi hemm studenti li ma jkollhom ebda ktieb quddiemhom u jkunu bil-headphones jisimgħu l-mużika waqt li t-teacher tkun qed titkellem. Imbagħad dawn jissorprendu ruħhom li qed iġibu marki ħżiena! U hemm dawk li bħali jipprovaw jagħmlu mill-aħjar, jistudjaw ħafna, u xorta jġibu marki baxxi. Ma nafx għala. Ma niħux pjaċir meta nġib marki baxxi wara li nkun qattajt il-ġimgħa kollha nistudja sa tard filgħaxija.”—Yolanda.

 Ġieli ħassejtek bħal Yolanda? Ngħiduha kif inhi, żgur li tħossok skuraġġit meta ġġib marki baxxi.

 Xi żgħażagħ li mhumiex sejrin tajjeb fl-iskola jistgħu jaqtgħu qalbhom u ma jibqgħux jipprovaw iġibu marki aħjar. Jerġaʼ oħrajn forsi ma jibqgħux imorru l-iskola. Għalkemm xi wħud jistgħu jaqgħu f’dawn in-nases, hemm mod ieħor kif jistgħu jirranġaw dil-problema. Ikkunsidra ħames affarijiet li tistaʼ tagħmel biex iġġib marki aħjar.

 Dak li tistaʼ tagħmel

  •   Attendi l-lezzjonijiet kollha. Forsi tgħid, ‘Mhux ovvja!’ Imma jekk titlef ħafna lezzjonijiet, il-marki tiegħek se jmorru minn taħt.

     “Fl-iskola tiegħi, it-tfal li kienu jiskartaw l-iskola ma kienx jimpurtahom kemm iġibu marki u kienu jħabbtu wiċċhom mal-problemi.”Matthew.

     Prinċipju Bibliku: “Dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.”—Galatin 6:7.

  •   Hu vantaġġ minn kull lezzjoni. Għalkemm hu tajjeb li tkun preżenti fil-klassi, ikun aħjar li tieħu li tistaʼ mil-lezzjoni. Ħu noti tajbin. Ipprova ifhem dak li qed jgħid l-għalliem. Jekk l-għalliem iħallik tistaqsi mistoqsijiet waqt il-lezzjoni, agħmel dan.

     “Waqt il-lezzjoni, jien nistaqsi ħafna mistoqsijiet, għax nara li t-teacher tispjega s-suġġett aħjar meta tkun taf li student ma jkunx qed jifhem.”—Olivia.

     Prinċipju Bibliku: “Oqogħdu attenti kif tisimgħu.”—Luqa 8:18.

  •   Tiċċitjax. Min jiċċitja jkun diżonest. Hemm ħafna modi kif xi ħadd jistaʼ jiċċitja. Mod minnhom hu li xi ħadd jikkopja x-xogħol taʼ ħaddieħor. Dan la jgħinek tkun onest, u lanqas ma jgħinek titgħallem.

     “Jekk hemm xi ħaġa li ma tifhimhiex, tikkopjax mill-istudenti l-oħrajn. Meta tiċċitja, ma tkunx qed titgħallem. Fil-fatt, tkun qed tgħallem lilek innifsek biex tistrieħ fuq ħaddieħor minflok titgħallem issolvi l-problemi waħdek.”—Jonathan.

     Prinċipju Bibliku: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.”—Ebrej 13:18.

  •   Agħti prijorità lill-homework. Jekk ikun possibbli, agħmel il-homework qabel l-affarijiet l-oħra, speċjalment qabel tagħmel xi ħaġa li tieħu pjaċir tagħmilha. a Meta tagħmel hekk, iżjed se tieħu pjaċir tirrilassa wara li tkun lestejt il-homework.

     “Kont nagħmel il-homework mill-ewwel, u dan għen biex ikolli marki aħjar. Meta kont nasal id-dar, spiss kien ikolli aptit immur nistrieħ jew nismaʼ l-mużika. Imma kont nipprova nagħmel il-homework qabel nirrilassa.”—Calvin.

     Prinċipju Bibliku: ‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’—Filippin 1:10.

  •   Itlob l-għajnuna. Toqgħodx tistħi taċċetta l-għajnuna minn ħaddieħor. Itlob lill-ġenituri tiegħek biex jagħtuk parir. Itlob lill-għalliem tiegħek biex jgħinek iġġib marki aħjar. Kultant jistaʼ jgħinek li tmur il-privat.

     “Toqgħodx taħsibha darbtejn biex tkellem lill-għalliem. Itlob l-għajnuna biex tifhem is-suġġett aħjar u biex iġġib marki tajbin. Peress li tkun determinat li ġġib marki aħjar, aktarx l-għalliem se jieħu pjaċir bik u jgħinek.”—David.

     Prinċipju Bibliku: “Il-pjanijiet . . . jirnexxu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-pariri.”—Proverbji 15:22.

a Għal suġġerimenti speċifiċi dwar kif tistaʼ tistudja aħjar, ara l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Kif Nistaʼ Nlaħħaq mal-Homework?