Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Kif nistaʼ nikkontrolla r-rabja tiegħi?

Kif nistaʼ nikkontrolla r-rabja tiegħi?

 Kwizz

  •  Kemm-​il darba tirrabja int?

    •  kważi qatt

    •  xi kultant

    •  kuljum

  •  Ir-​rabja tiegħek kemm hi gravi?

    •  ftit

    •  ħafna

    •  wisq

  •  Maʼ min x’aktarx li tirrabja?

    •  m’ommok jew missierek

    •  maʼ ħuk jew oħtok

    •  maʼ ħabib

 Jekk qed tara li għandek bżonn tikkontrolla r-​rabja tiegħek, dan l-​artiklu se jkun t’għajnuna! L-​ewwel, ikkunsidra xi raġunijiet għala hu importanti li tibqaʼ kalm meta tiġi provokat.

 Għala hu importanti

 Is-​saħħa tiegħek. Proverbji 14:30 jgħid: “Qalb kalma hija l-​ħajja tal-​ġisem.” B’kuntrast, il-​Journal of Medicine and Life jgħid li “r-​rabja jistaʼ jkollha konnessjoni mal-​mard tal-​qalb.”

 Il-​ħbieb tiegħek. Il-​Bibbja tgħid: “Tissiħibx maʼ min jirrabja malajr; u tagħmilhiex maʼ bniedem li jisbel.” (Proverbji 22:24) Mela jekk għandek il-​problema li tirrabja malajr, tiħodhiex bi kbira jekk in-​nies jevitawk. “Jekk ma titgħallimx tikkontrolla t-​tempra tiegħek,” tgħid żagħżugħa jisimha Jasmine, “se titlef ħbiberiji li jistgħu jkunu taʼ ġid għalik.”

 Ir-​reputazzjoni tiegħek. “Jekk taqbiżlek malajr,” jgħid Ethan li għandu 17-​il sena, “oħrajn se jsiru jafu b’dan u jistaʼ jeffettwa l-​mod kif iħarsu lejk.” Staqsi lilek innifsek, ‘Jien kif nixtieq li nkun magħruf—bħala wieħed li jibqaʼ kalm u jżomm il-​paċi jew bħal bomba li lesta biex tisplodi?’ Il-​Bibbja tgħid: “Min idum biex jirrabja għandu ħafna dixxerniment, imma min hu bla paċenzja qed jeżalta l-​bluha.”—Proverbji 14:29.

Ħadd ma jixtieq ikun ħdejn xi ħadd li dejjem ikun qisu vulkan se jiżbroffa

 Dak li tistaʼ tagħmel

 Ikkunsidra l-​iskritturi u l-​kummenti li ġejjin, u staqsi lilek innifsek il-​mistoqsijiet li hemm magħhom.

  •   Proverbji 29:22: “Min jirrabja malajr jaqlaʼ l-​ġlied, u kulmin għandu t-​tendenza li jinkorla jiżbalja ħafna.”

     “Fl-​ewwel snin tal-​adoloxxenza tiegħi, tgħidx kemm kont insibha diffiċli biex nikkontrolla r-​rabja tiegħi. Il-​familja tiegħi min-​naħa taʼ missieri għandhom l-​istess problema. Aħna ngħidu li hi xi ħaġa fid-​demm. Hu diffiċli ħafna biex nikkontrollaw ir-​rabja tagħna!”​—Kerri.

     Nirrabja jien malajr? Jekk naċċetta t-​tifħir għal kwalitajiet tajbin tiegħi, jagħmel sens li nwaħħal fil-​ġenetika meta nuri din il-​kwalità ħażina?

  •   Proverbji 15:1: “Tweġiba, meta tkun ħelwa, tkeċċi l-​korla, imma kelma li tweġġaʼ tqajjem ir-​rabja.”

     “Hu importanti li titgħallem tikkontrolla l-​emozzjonijiet tiegħek. Jekk tipprova ssir persuna ġwejda u tiffoka fuq il-​pożittiv, ma tibqax tirrabja—u lanqas tkun xi ħaġa li għandek għalfejn tinkwieta dwarha.”​—Daryl.

     Meta niġi provokat, għala l-​ewwel reazzjoni hi importanti ħafna?

  •   Proverbji 26:20: “Fejn m’hemmx ħatab in-​nar jintefa.”

     “Meta nwieġeb bil-​ħlewwa, normalment il-​persuna l-​oħra tikkalma u t-​tnejn li aħna nkunu nistgħu nikkomunikaw mingħajr ma nħallu l-​emozzjonijiet tagħna jiġru bina.”​—Jasmine.

     Il-​kliem u l-​azzjonijiet tiegħi kif jistgħu jiggravaw iktar is-​sitwazzjoni?

  •   Proverbji 22:3: “Min hu prudenti jara l-​gwaj u jinħeba, imma dawk taʼ bla esperjenza jibqgħu sejrin u jkollhom iħallsu l-​piena.”

     “Kultant kulma jkolli bżonn hu li nitlaq u nieħu ftit ħin biex naħseb dwar dak li jkun ġara, u mbagħad niffaċċja s-​sitwazzjoni meta nkun kalm.”​—Gary.

     Meta jkun l-​aħjar li nwarrab minn xi kwistjoni taħraq mingħajr ma nagħti l-​impressjoni li ma jimpurtaniex minn dak li jkun?

  •   Ġakbu 3:2: “Ilkoll nitfixklu ħafna drabi.”

     “Għandu jiddispjaċina mill-​iżbalji li nkunu għamilna, imma għandna wkoll nitgħallmu minnhom. Hemm bżonn li nqumu mill-​ewwel meta naqgħu u nkunu determinati li darb’oħra mmorru aħjar.”​—Kerri.

 Suġġeriment: Agħmel mira. Kun determinat li ma tirrabjax għal ċertu żmien—forsi għal xahar. Fi djarju ikteb il-​progress tiegħek.