IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Xi Ngħidu Jekk Oħrajn Qed Jitkellmu Dwari?
Għala jweġġaʼ
Xi għajdut hu kattiv—pereżempju, gidba bil-ħsieb li tħassar ir-reputazzjoni tiegħek. Imma anki jekk l-għajdut mhuwiex daqshekk gravi, xorta waħda jistaʼ jweġġaʼ—speċjalment jekk jingħad minn xi ħadd li kont taħseb li hu ħabib tal-qalb!—Salm 55:12-14.
“Sirt naf li ħabiba kienet qed titkellem fuqi minn wara dahri u bdiet tgħid li jien ma jimpurtanix min-nies oħrajn. Dan verament weġġagħni! Ma stajtx nifhem għala qalet hekk.”—Ashley.
Fatt: Sew jekk il-persuna li qed ixxerred l-għajdut dwarek hi ħabiba tal-qalb u sew jekk le, ma tiħux pjaċir issir taf li oħrajn qed jitkellmu ħażin dwarek.
L-aħbar ħażina—ma tistax iżżomm lil oħrajn milli jitkellmu dwarek
In-nies għandhom mnejn jitkellmu fuq oħrajn għal diversi raġunijiet, inkluż dawn:
Biex juru interess ġenwin. Il-bnedmin huma ħlejjaq soċjevoli. Għalhekk, huwa biss naturali li nkellmu lil (u dwar) xulxin. Infatti, il-Bibbja tinkuraġġina biex nuru ċertu ammont taʼ ‘interess persunali’ f’oħrajn.—Filippin 2:4.
“L-iktar suġġett interessanti biex titkellem dwaru hu n-nies!”—Bianca.
“Ikolli nammetti, inħobb inkun naf x’qed jagħmlu n-nies u nitkellem dwar dan m’oħrajn. M’għandix idea għala—imma nieħu pjaċir.”—Katie.
Biex jimlew il-ħin. Fi żminijiet Bibliċi kien hemm nies li “f’xejn ma kienu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom għajr li jgħidu jew jisimgħu xi ħaġa ġdida.” (Atti 17:21) L-istess hu minnu llum!
“Xi kultant meta ma jkun qed jiġri xejn eċċitanti, in-nies jivvintaw xi ħaġa biex ikollhom fuqiex jitkellmu.”—Joanna.
Minħabba nuqqas taʼ fiduċja fihom infushom. Il-Bibbja bir-raġun twissi kontra t-tendenza li nqabblu lilna nfusna m’oħrajn. (Galatin 6:4) Sfortunatament, xi nies jipprovaw iħossuhom aħjar billi jxerrdu għajdut negattiv dwar oħrajn.
“Għajdut negattiv ġeneralment jikxef x’tip taʼ persuni huma dawk li jgħiduh. Spiss ikun ifisser li fil-fond taʼ qalbhom jgħiru għal persuna li qed jitkellmu dwarha. Huma jxerrdu l-għajdut biex iħossuhom aħjar u biex jikkonvinċu lilhom infushom li huma aħjar minn dik il-persuna.”—Phil.
Fatt: Jogħġbok u ma jogħġbokx, in-nies se jitkellmu fuq nies oħrajn—inkluż fuqek.
L-aħbar tajba—m’għandekx tħalli l-għajdut jikkontrollak
Wisq probabbli ma tistax twaqqaf l-għajdut kollu li jingħad dwarek, imma tistaʼ tagħżel kif tirreaġixxi. Jekk issir taf li qed jinxtered l-għajdut dwarek, minn tal-inqas għandek żewġ għażliet.
L-1 GĦAŻLA: Injorah. Spiss, l-aħjar soluzzjoni hi li ma tagħtix kas—speċjalment jekk l-għajdut mhuwiex serju. Applika l-parir tal-Bibbja: “Tgħaġġilx biex tieħu għalik.”—Ekkleżjasti 7:9.
“Kien hemm il-qlajja li kont qed noħroġ maʼ wieħed—xi ħadd li lanqas biss iltqajt miegħu! Tant kienet bla sens li bdejt nidħaq.”—Elise.
“Reputazzjoni tajba hi l-aħjar arma kontra l-għajdut. Anki jekk ikun hemm xi qlajja dwarek, meta jkollok reputazzjoni tajba ftit se jkunu n-nies li jemmnuha. U ġeneralment, iż-żejt jitlaʼ f’wiċċ l-ilma.”—Allison.
Suġġeriment: Ikteb (1) dak li ntqal dwarek u (2) kif ħassejtek. Ladarba tkun ‘tkellimt f’qalbek,’ għandu mnejn issibha iktar faċli biex tinsa dak li ġara.—Salm 4:4.
IT-2 GĦAŻLA: Iffaċċja lil persuna li bdiet l-għajdut. F’xi każi, forsi tħoss li l-qlajja tant hi gravi li ma tistax ma tkellimx lil persuna li bdietha.
“Jekk tiffaċċja lin-nies li jkunu qed jitkellmu fuqek, għandhom mnejn jindunaw li dak li jgħidu fl-aħħar mill-aħħar se jasal għand il-vittma. Iktar minn hekk, tkun tistaʼ tiċċara l-affarijiet bit-tama li tissetilja l-problema.”—Elise.
Qabel ma tiffaċċja lil xi ħadd li tkellem fuqek, ikkunsidra l-prinċipji tal-Bibbja li ġejjin u staqsi lilek innifsek il-mistoqsijiet li hemm magħhom.
“Meta xi ħadd iwieġeb qabel ma jismaʼ l-kwistjoni, dan ikun bluha.” (Proverbji 18:13) ‘Għandi l-fatti kollha? Huwa possibbli li l-persuna li qaltli dwar l-għajdut fehmet ħażin dak li semgħet?’
‘Kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem, tqil biex tinkorla.’ (Ġakbu 1:19) ‘Huwa issa l-aħjar żmien biex niffaċċja lil dak li qal fuqi? Qed nagħmel ċert li ma nħallix l-emozzjonijiet jiġru bija? Jew ikun aħjar li nħalli ftit żmien jgħaddi biex nilħaq nikkalma?’
“Kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.” (Mattew 7:12) ‘Li kieku kont minflok dik il-persuna, kif nixtieq li tiffaċċjani? F’liema ambjent nippreferi niddiskuti l-problema? Liema kliem u mġiba se jkunu l-iktar effettivi?’
Suġġeriment: Qabel ma tiffaċċja lil dak li qal fuqek, ikteb x’biħsiebek tgħidlu. Imbagħad stenna ġimgħa jew tnejn, erġaʼ aqra dak li tkun ktibt, u ara jekk tridx tagħmel xi bidliet. Ukoll, iddiskuti dak li biħsiebek tagħmel maʼ ġenitur jew ħabib matur, u itolbu jagħtik parir.
Fatt: Bħal ħafna affarijiet fil-ħajja, l-għajdut hu xi ħaġa li mhux dejjem tistaʼ tikkontrolla. Imma dan ma jfissirx li għandek tħallih jikkontrolla lilek!