Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Xi Ngħidu Jekk Għandi Problema taʼ Saħħa? (It-2 Parti)

Xi Ngħidu Jekk Għandi Problema taʼ Saħħa? (It-2 Parti)

 Il-problemi tas-saħħa jiġu f’ħafna forom.

  •   Xi nies għandhom sintomi li huma evidenti minn barra, filwaqt li oħrajn l-effetti tagħhom jinħassu minn ġewwa biss.

  •   Xi problemi taʼ saħħa huma temporanji, filwaqt li oħrajn huma permanenti u jippreżentaw sfidi taʼ kuljum.

  •   Ftit minnhom jistgħu jiġi mfejqin jew għall-inqas ikkontrollati, waqt li oħrajn imorru għall-agħar—forsi saħansitra jheddu l-ħajja taʼ dak li jkun.

 Xi żgħażagħ iħabbtu wiċċhom mal-isfidi kollha taʼ saħħa li ssemmew. F’dan l-artiklu, se tiltaqaʼ maʼ erbgħa minnhom li jiffaċċjaw sfidi bħal dawn. Jekk int tbati minn problema taʼ saħħa, il-kliem tagħhom jistaʼ jkun taʼ inkuraġġiment għalik.

 GUÉNAELLE

 L-iktar ħaġa li nsib diffiċli hi li naċċetta l-limiti tiegħi. Nixtieq nagħmel ħafna affarijiet, imma kull ġurnata jkolli nadatta għall-marda tiegħi.

 Għandi marda li ma tħallix lil moħħi jgħaddi informazzjoni lill-bqija taʼ ġismi kif suppost. Partijiet differenti taʼ ġismi, minn rasi sa saqajja, kultant jibdew jirtogħdu jew inkella jkunu pparalizzati. Insibha bi tqila nagħmel affarijiet sempliċi, bħal pereżempju niċċaqlaq, nitkellem, naqra, nikteb, u nifhem lill-ħaddieħor. Meta l-affarijiet ikunu partikularment diffiċli, l-anzjani tal-kongregazzjoni tiegħi jitolbu miegħi. Meta jagħmlu hekk, mill-ewwel inħossni iktar kalma.

 Minkejja kwalunkwe prova li niffaċċja, inħoss li Alla Ġeħova hu dejjem hemm biex jappoġġani. Ma rridx li l-marda tiegħi żżommni milli naqdih bis-sħiħ. Il-prijorità tiegħi hi li ngħin lill-oħrajn jitgħallmu dwar il-wegħda tal-Bibbja li Alla Ġeħova dalwaqt se jagħmel l-art ġenna, fejn it-tbatija se tispiċċa għalkollox.—Rivelazzjoni 21:1-4.

 Aħseb dwar dan: B’liema modi tistaʼ int, bħal Guénaelle, turi l-mogħdrija lejn oħrajn?​—1 Korintin 10:24.

 ZACHARY

 Meta kelli 16-il sena, sabu li kelli kanċer tal-moħħ aggressiv. It-tobba qaluli li kien baqagħli biss tmien xhur ħajja. Ili minn dak iż-żmien niġġieled għal ħajti.

 Minħabba l-post fejn qegħdin it-tumuri, in-naħa tal-lemin taʼ ġismi hu pparalizzat. Peress li ma nistax nimxi, dejjem irid ikun hemm xi ħadd id-dar biex jgħinni niċċaqlaq minn post għall-ieħor.

 Sar diffiċli għalija biex nikkomunika ċar meta l-marda tiegħi ggravat. Jien kont persuna attiva ħafna—kont nieħu pjaċir niskijja fuq l-ilma, u nilgħab il-baskitbol, u l-volleyball. Bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, jien kont attiv fil-ministeru Kristjan. Naħseb li ħafna nies ma jafux x’jiġifieri li ma tkunx tistaʼ tibqaʼ tagħmel l-affarijiet li tant tħobb.

 Il-kliem f’Isaija 57:15 insibu inkuraġġanti għax jagħtini l-assiguranza li Alla Ġeħova hu hemm għal dawk li għandhom spirtu miksur u li hu jimpurtah minni. Ukoll, f’Isaija 35:6 Ġeħova wiegħed li se nkun nistaʼ nerġaʼ nimxi u naqdih f’saħħa perfetta.

 Għalkemm kultant jistaʼ jkun diffiċli ħafna biex inkampa mal-marda tiegħi, naf żgur li għandi l-appoġġ taʼ Ġeħova. Permezz tat-talb, dejjem għandi maʼ min nitkellem meta nħossni mdejjaq jew meta nibżaʼ li se mmut. Xejn ma jistaʼ jifridni mill-imħabba taʼ Ġeħova.—Rumani 8:39.

 Zachary raqad fil-mewt fl-età taʼ 18-il sena, xahrejn wara li ġie intervistat. Il-fidi tiegħu fil-wegħda t’Alla taʼ rxoxt f’art magħmula ġenna baqgħet soda sal-aħħar.

 Aħseb dwar dan: It-talb kif jistaʼ jgħin lilek, bħalma għen lil Zachary, biex tibqaʼ fl-imħabba t’Alla?

 ANAÏS

 Meta kelli biss ftit jiem, kelli emorraġija f’moħħi li ħallietni b’diżabilità li effettwatli ġismi kollu, speċjalment saqajja.

 Illum, nistaʼ nimxi distanzi qosra billi nuża frejm tal-mixi; imma ġeneralment ikolli bżonn siġġu tar-roti biex niċċaqlaq minn post għall-ieħor. Ikolli wkoll spażmi li jagħmluhieli diffiċli biex nagħmel affarijiet preċiżi, bħal pereżempju li nikteb.

 Apparti l-istress li jiġi mill-kundizzjoni tiegħi, il-kura hi taʼ sfida. Minn dejjem niftakar li kelli sessjonijiet tal-fiżjoterapija diversi drabi fil-ġimgħa. Taʼ ħames snin saritli l-ewwel operazzjoni kbira, u minn dak iż-żmien ’l hawn, saruli tlieta oħra. L-aħħar tnejn kienu speċjalment diffiċli għax kont ’il bogħod mid-dar għal tliet xhur waqt li kont qed nirkupra.

 Il-familja tiegħi hi t’għajnuna kbira u tgħidx kemm nidħqu flimkien. Dan veru jgħinni meta nħossni mdejqa. Ommi u ħuti l-bniet jgħinuni nidher ħelwa ladarba ma nistax nagħmel dan waħdi. Jiddispjaċini li ma nistax nilbes tkaken għoljin. Imma rnexxieli nagħmel dan darba meta kont tifla billi mxejt imbe biż-żarbun f’idejja, ilkoll dħaqna daħqa tajba!

 Jien niffoka fuq l-affarijiet kollha li nistaʼ nagħmel u mhux fuq dak li ma nistax. Qed nitgħallem lingwi ġodda. Immur ngħum, biex inpatti għal sports li ma nistax nagħmel, bħal li nisserfja. Bħala Xhud taʼ Ġeħova, nieħu pjaċir noħroġ fil-ministeru biex naqsam it-twemmin tiegħi m’oħrajn. Donnu li n-nies joqogħdu attenti ħafna meta nkellimhom.

 Sa minn tfuliti, il-ġenituri għallmuni li l-marda tiegħi hi biss temporanja. Minn dak iż-żmien ’l hawn, saħħaħt il-fidi tiegħi f’Ġeħova u fil-wegħda tiegħu li jtemm it-tbatija kollha, inkluż tiegħi. Dan jagħtini s-saħħa biex inkampa.—Rivelazzjoni 21:3, 4.

 Aħseb dwar dan: B’liema modi tistaʼ int, bħal Anaïs, ma tiffokax fuq il-problema taʼ saħħa tiegħek imma fuq dak li tistaʼ tagħmel?

 JULIANA

 Għandi marda awtoimmuni li tikkaġuna wġigħ u li tistaʼ teffettwa l-qalb, il-pulmun, u d-demm. Diġà effettwatli l-kliewi.

 Kelli għaxar snin meta sabuli l-lupus, marda li kkaġunatli wġigħ, għeja, u bdil fil-burdata. Xi drabi nħossni ma niswa għal xejn.

 Meta kelli 13-il sena, waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova ġiet tħabbat id-dar. Hi qratli Isaija 41:10, li fiha Alla Ġeħova jgħid: “Tibżax, għax jien miegħek. . . . Jien inżommok sod tassew b’idi l-leminija tas-sewwa.” Minn dakinhar bdejt nistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Illum, xi tmien snin wara, naqdi lil Alla b’qalbi kollha, u jien iddeterminata li ma nħallix il-marda tiegħi tikkontrollali ħajti. Inħoss li Ġeħova tani “qawwa iktar min-normal,” sabiex inkun nistaʼ nżomm attitudni pożittiva.—2 Korintin 4:7.

 Aħseb dwar dan: Isaija 41:10 kif jistaʼ jgħinek iżżomm attitudni pożittiva, bħalma għen lil Juliana?