ĠIE DISINJAT?
Is-sonar tad-denfil
Id-denfil jagħmel ħsejjes differenti u jismaʼ l-eku sabiex ikun jaf minn fejn għandu jgħaddi u x’hemm madwaru. Peress li xi xjenzjati ġew ispirati mis-sonar naturali tad-denfil b’geddumu qasir (bottlenose dolphin), dawn qed jiżviluppaw sistema biex tintuża fil-baħar li tipproduċi l-ħsejjes u taħdem mingħajr ebda apparat elettroniku biex issolvi l-problemi li ma jistgħux jissolvew bit-teknoloġija tal-lum.
Ikkunsidra: Is-sonar tad-denfil jgħinu jsib ħut moħbi fir-ramel f’qiegħ il-baħar u jagħraf bejn ħuta u ġebla. Apparti minn hekk, skont Keith Brown, professur f’Heriot-Watt University, Edinburgh, l-Iskozja, id-denfil jistaʼ “jagħraf id-differenza bejn kontejners li fihom ilma ħelu, ilma baħar, ġulepp, u żejt minn għaxar metri bogħod.” Xi xjenzjati jixtiequ jiżviluppaw apparati li jkollhom xi ftit mill-istess kapaċità.
Xi riċerkaturi analizzaw il-ħsejjes u s-smigħ tad-denfil, u mbagħad ipprovaw jipproduċu bħalhom. B’hekk, setaʼ jiġi vvintat l-apparat sonar mimli b’komponenti elettroniċi sofistikati. Dan jitpoġġa f’ċilindru li ma jkunx itwal minn metru. Dan l-apparat li jitwaħħal maʼ makkinarju robotiku li jintuża taħt l-ilma ġie ddisinjat biex jara x’hemm f’qiegħ il-baħar, isib affarijiet mgħottijin bħal kejbils jew pajpijiet, u janalizzahom mingħajr ma jmiss magħhom. Min ivvinta dan qed jara li jistaʼ jintuża mill-industriji taż-żejt u l-gass. Is-sonar li ġie ispirat mid-denfil għandu jżid mal-informazzjoni li jiġbru l-apparati sonar li hawn bħalissa. B’hekk, jgħin lit-technicians ipoġġu makkinarji jew oġġetti fil-baħar fl-aħjar post u jsib il-ħsarat li jistaʼ jsirilhom—bħal xaqq irqiq ħafna fil-ħadid li jżomm ir-rigg taż-żejt—u jistaʼ saħansitra jsib pajpijiet misdudin.
Int x’taħseb? Id-denfil b’geddumu qasir ġie bl-evoluzzjoni? Jew ġie disinjat?