ĠIE DISINJAT?
Il-manuvri li tagħmel id-dubbiena tal-frott
Jekk xi darba provajt toqtol dubbiena, taf kemm tistaʼ tkun ħaġa diffiċli. Minħabba li dawn l-insetti jirreaġixxu malajr immens, jagħmluha diffiċli ħafna biex taqbadhom.
Ix-xjenzjati skoprew li tip taʼ dubbiena, id-dubbiena tal-frott, kapaċi tagħmel manuvri fl-arja simili għal dawk t’ajruplani żgħar tal-gwerra, imma f’inqas minn sekonda. Meta din tkun għadha kif faqqset, “diġà tkun esperta fil-mod kif ittir,” jgħid il-Professur Michael Dickinson. “Hu bħallikieku tpoġġi tarbija tat-twelid f’ajruplan ikkomplikat u din tkun taf kif issuqu.”
Xi riċerkaturi ffilmjaw il-manuvri tad-dubbiena u sabu li din iċċaqlaq ġwinħajha 200 darba kull sekonda. Però, f’moviment sħiħ wieħed tal-ġwienaħ kapaċi tbiddel id-direzzjoni tagħha biex taħrab.
U kemm iddum biex tirreaġixxi? Riċerkaturi sabu li meta dawn l-insetti jħossu l-periklu, jirreaġixxu 50 darba iktar malajr minn teptipa tal-għajnejn. Dickinson jispjega li “biex din id-dubbiena tkun taf fejn hu l-periklu u f’liema direzzjoni l-aħjar li taħrab, għandha mod sofistikat ħafna kif tikkalkula f’ħin qasir immens.”
Ir-riċerkaturi għadhom iridu jiskopru l-mod kif il-moħħ żgħir tad-dubbiena tal-frott hu ddisinjat u magħmul biex ikun kapaċi jagħmel dan.
Int x’taħseb? Ġew b’evoluzzjoni l-manuvri tad-dubbiena tal-frott? Jew ġew disinjati?