Mur fil-kontenut

IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET

“Bdejt ngħix fit-toroq”

“Bdejt ngħix fit-toroq”
  • Sena tat-twelid: 1955

  • Post tat-twelid: Spanja

  • Passat: Droga, abbuż tal-alkoħol, vjolenza

IL-PASSAT TIEGĦI

 Ċertu nies idumu ma jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom stess. Jien kont wieħed minnhom. Twelidt u trabbejt f’Barċellona, it-tieni l-akbar belt fi Spanja. Familti kienet tgħix f’post li jissejjaħ Somorrostro, li kien magħruf għall-kriminalità u d-droga.

 Jien kont l-ikbar minn disat itfal. Peress li konna fqar ħafna, missieri bagħatni naħdem bħala ball boy fi klabb tat-tenis. Kelli biss għaxar snin u kont naħdem għaxar sigħat kuljum. Allura, ma stajtx immur l-iskola bħat-tfal l-oħrajn. Taʼ 14-il sena, xogħli kien li nħaddem il-magni f’ħanut tal-ħadid.

Fl-1975, ingħaqadt maʼ armata msejħa Spanish Foreign Legion fl-Afrika taʼ Fuq u kont nilbes l-uniformi partikolari tagħha

 Fl-1975, bagħtu għalija biex nagħti servizz militari, li kien bil-liġi fi Spanja. Xtaqt nagħmel xi ħaġa eċitanti f’ħajti. Allura, offrejt li ningħaqad maʼ armata Spanjola msejħa Spanish Foreign Legion, li kienet tinsab f’Melilla, l-Afrika taʼ Fuq. Matul dak iż-żmien, tajtha għall-alkoħol u d-droga.

 Meta tlaqt minn din l-armata, mort lura Barċellona u ffurmajt gang. Konna nisirqu kulma stajna. Imbagħad inbigħuhom ħalli jkollna l-flus għad-droga. Bdejt nieħu drogi bħal-LSD u l-amphetamines, u kont moħħni fis-sess, l-alkoħol, u biex nilgħab il-flus. Dan l-istil taʼ ħajja għamilni iktar u iktar vjolenti. Kont dejjem inġorr sikkina jew mannara fuqi, u qatt ma kont nibżaʼ milli nużahom jekk ikun hemm bżonn.

 Darba minnhom, sraqna karozza u ġew il-pulizija warajna. Kienet qisha xena tal-films. Soqna l-karozza għal xi 30 kilometru, sakemm ma bdew jisparaw lejna l-pulizija. Fl-aħħar, dak li kien qed isuq ħabat, u ħrabna. Meta missieri sar jaf, hu keċċieni mid-dar. U kellu raġun!

 Għall-ħames snin taʼ wara, bdejt ngħix fit-toroq. Kont norqod fuq xi għatba taʼ bieb, fit-trakkijiet, fuq il-bankijiet, u fiċ-ċimiterji. Saħansitra għamilt xi żmien ngħix ġo għar. Ma kelli ebda skop f’ħajti, u ħassejt li ma kinitx se tagħmel differenza jekk immut. Niftakarni naqtaʼ l-polz u jdejja minħabba l-effett tad-droga. Għad għandi l-marki sal-lum.

KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI

 Meta kelli 28 sena, ommi ġiet tfittixni u talbitni mmur lura d-dar. Jien aċċettajt u wegħedtha li se nirranġa, imma domt m’għamilt dan.

 Darba, waranofsinhar, ġew tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova iħabbtu l-bieb. Waqt li kienu qed ikellmuni, missieri beda jgħajjat u qalli biex nagħlqilhom il-bieb f’wiċċhom. Peress li ma kontx nieħu pjaċir li xi ħadd jgħidli x’għandi nagħmel, ma smajtx minnu. Huma offrewli tlett kotba, u jien aċċettajthom. Imbagħad staqsejthom fejn jiltaqgħu għal-laqgħa, u xi ġranet wara, mort fejn is-Sala tas-Saltna.

 L-ewwel ħaġa li nnutajt kienet kemm kienu lebsin pulit. Imma jien kelli xagħri twil, daqna traskurata, u ħwejġi ma kinux taʼ quddiem in-nies. Minħabba f’hekk, bqajt barra. Imma b’sorpriża, għaraft lil wieħed li darba kien fil-gang miegħi jismu Juan, li kien liebes pulit. Iktar tard sirt naf li sena qabel hu kien sar wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Il-fatt li kien hemm hu, tani biżżejjed kuraġġ biex nidħol għal-laqgħa. Kien f’dan il-punt li ħajti bdiet tinbidel.

 Jien aċċettajt li nistudja l-Bibbja magħhom u ma domtx ma ndunajt li jekk ridt l-approvazzjoni t’Alla, kelli nbiddel l-attitudni aggressiva tiegħi u l-ħajja ħażina li kont qed ngħix. Ma kienx faċli nagħmel dan. Tgħallimt li biex nogħġob lil Alla Ġeħova kelli ninbidel billi nirranġa l-mod kif naħseb. (Rumani 12:2) Il-ħniena t’Alla vera messitli qalbi. Għalkemm għamilt ħafna żbalji, ħassejt li Alla kien qed itini ċans biex nibda paġna ġdida. Dak li tgħallimt dwar Alla Ġeħova niżel dritt f’qalbi. Imbagħad ma kelli ebda dubju li kien hemm Ħallieq li jimpurtah minni.—1 Pietru 5:6, 7.

 Dan immotivani biex nibda nirranġa. Pereżempju, meta tkellimna dwar is-suġġett tat-tabakk fl-istudju tal-Bibbja, għedt, ‘Jekk Alla Ġeħova jrid li nibqaʼ nadif b’kull mod, mela rrid naqtaʼ s-sigaretti!’ (2 Korintin 7:1) U rmejthom fiż-żibel!

 Kelli wkoll nieqaf nieħu u nbigħ id-droga. Dan kien iktar diffiċli u ħadli iktar żmien. Kont naf li kelli nieqaf nagħmilha mal-ħbieb li kelli biex jirnexxili naqtaʼ d-droga. L-effett li sħabi kienu jħallu fuqi ma kienx qed jgħinni biex nimxi ’l quddiem spiritwalment. Maż-żmien, bdejt nistrieħ iktar fuq Ġeħova u fuq l-għajnuna tal-ħbieb ġodda li kelli fil-kongregazzjoni. Ħadd qatt ma wrieni daqshekk imħabba u interess. Wara li għaddew ix-xhur, fl-aħħar irnexxieli naqtaʼ d-droga u ‘nilbes il-personalità l-ġdida,’ li għenitni jkolli l-approvazzjoni taʼ Ġeħova. (Efesin 4:24) F’Awwissu tal-1985, tgħammidt bħala Xhud taʼ Ġeħova.

KIF IBBENEFIKAJT

 Il-Bibbja tatni skop f’ħajti. Ħelsitni minn stil taʼ ħajja li kien qed jagħmel ħsara lil ġismi u jnaqqasli d-dinjità. Fil-fatt, iktar minn 30 mill-ħbieb li kelli mietu taʼ età żgħira bl-AIDS u b’mard relatat mad-drogi. Jien grat ħafna li bl-għajnuna tal-prinċipji tal-Bibbja, stajt nevita dawn il-konsegwenzi koroh.

 Is-sikkina u l-mannara li kont inġorr fuqi meta kont żagħżugħ vjolenti issa huma xi ħaġa tal-passat. Qatt ma ħsibt li xi darba kont se nġorr il-Bibbja minflok u nużaha biex ngħin lin-nies. Illum, jien u marti qed naqdu fis-servizz full-time bħala Xhieda taʼ Ġeħova.

 Il-ġenituri tiegħi qatt ma saru Xhieda taʼ Ġeħova, imma ħadu pjaċir bit-tibdil li għamilt minħabba li studjajt il-Bibbja. Fil-fatt, missieri saħansitra qabeż għax-Xhieda quddiem dawk kollha li jaħdem magħhom. Hu setaʼ jara li t-twemmin ġdid tiegħi għenni nagħmel bidliet kbar. Ommi spiss tgħid li messni bdejt nistudja l-Bibbja qabel. U naqbel magħha mija fil-mija!

 Mill-ħajja tgħallimt kemm hu bla sens li tfittex sodisfazzjon mid-drogi u vizzji oħra. Issa jien ingawdi sodisfazzjon veru milli ngħallem lil oħrajn dak li hemm fil-Kelma t’Alla, tagħlim li salvali ħajti fil-veru sens tal-kelma.