IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET
“Kont qed nistieden il-mewt tiegħi”
Sena tat-twelid: 1978
Post tat-twelid: El Salvador
Passat: Membru vjolenti taʼ gang
IL-PASSAT TIEGĦI
“Jekk vera trid issir taf dwar Alla, ibqaʼ max-Xhieda taʼ Ġeħova.” Bqajt iċċassat meta smajt dak il-kumment. Dak iż-żmien, kont diġà ilni ftit nistudja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Imma ħalli nispjegalek ftit dwar il-passat tiegħi biex tifhem għala aġixxejt hekk.
Twelidt fi Quezaltepeque, belt f’El Salvador. Jien kont is-6 wieħed minn 15-il tifel u tifla. Il-ġenituri tiegħi pprovaw jgħallmuni nkun onest u nobdi l-liġi. Apparti minn hekk, kultant, Leonardo u Xhieda taʼ Ġeħova oħrajn kienu jiġu jgħallmuni dwar il-Bibbja. Imma jien ma tajtx kas dak li għallmuni u ħadt deċiżjoni ħażina wara oħra. Taʼ 14-il sena bdejt nixrob l-alkoħol u nieħu d-drogi maʼ sħabi tal-iskola. Bil-mod il-mod kollha telqu mill-iskola biex jingħaqdu maʼ gang, u jien għamilt bħalhom. Il-ħin konna nqattgħuh fit-toroq, nheddu lin-nies biex ituna l-flus u nisirqu biex inkunu nistgħu nħallsu għall-vizzji tagħna.
Il-gang saret il-familja tiegħi. Kont inħoss li jistħoqqilha l-lealtà tiegħi. Pereżempju, darba minnhom sieħbi mill-gang li kien taħt l-influwenza tad-droga qabad jiġġieled maʼ wieħed mill-ġirien tiegħi. Waqt il-ġlieda, il-ġar tiegħi rnexxielu jżommu taħt il-kontroll tiegħu u ċempel lill-pulizija. Bir-rabja kbira li kelli qbadt nivvandalizza l-karozza tal-ġar b’lasta tqila ħalli jitlaq lil sieħbi. Il-ġar tiegħi talabni bil-ħniena biex nieqaf hekk kif kont qed inkisser tieqa wara oħra u nkisser il-kumplament tal-karozza, imma ma tajtx kasu.
Meta kelli 18-il sena, il-gang li kont fiha ġġieldet mal-pulizija. Hekk kif kont se nitfaʼ bomba, din ħadet f’idejja—lanqas naf kif. Niftakar biss li kelli idi mbiċċra—imbagħad tani ħass ħażin. Meta qomt fl-isptar, indunajt li tlift parti minn idi l-leminija u s-smigħ tal-lemin u li kważi tlift id-dawl t’għajni l-leminija għalkollox.
Però, minkejja dak li ġarali, wara li ħriġt mill-isptar, mill-ewwel erġajt mort mal-gang tiegħi. Madankollu, il-pulizija ma damux m’arrestawni u tefgħuni l-ħabs. Hemmhekk il-ħbiberija mal-membri tal-gang issaħħet. Il-ħin kollu konna nkunu flimkien—mill-breakfast, meta konna npejpu l-ewwel joint taʼ marijuana, sakemm konna mmorru norqdu.
KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI
Meta kont il-ħabs, kien ġie jżurni Leonardo. Aħna u nitkellmu, hu ġibed l-attenzjoni għat-tattoo li kelli fuq idi l-leminija. Hu saqsieni, “Taf xi jfissru dawk it-tliet tikek tat-tattoo?” Jien għedt, “Mela! Sess, droga, u rock and roll.” Imbagħad Leonardo qalli: “Naħseb iktar trid tgħid: Sptar, ħabs, u mewt. L-isptar kont, issa fil-ħabs. Taf xi jmissek.”
Dak li qalli Leonardo ħallieni bla kliem. Kellu raġun. Bil-ħajja li kont qed ngħix kont qed nistieden il-mewt tiegħi. Leonardo stidinni biex nistudja l-Bibbja miegħu, u jien aċċettajt. Dak li tgħallimt mill-Bibbja ġegħelni nbiddel ħajti. Pereżempju, il-Bibbja tgħid li “kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.” (1 Korintin 15:33) B’hekk, waħda mill-ewwel affarijiet li kelli naħdem fuqha hi li nagħmel ħbieb ġodda. Kien għalhekk li ma bqajtx immur għal-laqgħat tal-gang u, minflok, bdejt immur għal-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova li kienu jsiru fil-ħabs. Fil-laqgħa tax-Xhieda ltqajt m’Andrés. Dan kien fl-istess ħabs miegħi u kien tgħammed bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova ġewwa l-ħabs. Kien stidinni biex nieħu breakfast miegħu. Minn dakinhar ’l hawn, ma bqajtx nibda l-ġurnata billi npejjep il-marijuana. Minflok, jien u Andrés konna niddiskutu vers mill-Bibbja kull filgħodu.
Il-membri tal-gang mill-ewwel indunaw li bdejt ninbidel. Allura, wieħed mill-kapijiet tal-gang qal li kellu bżonn ikellimni. Kelli msarni f’saqajja. Ma kontx naf x’se jsir minni ladarba jsir jaf x’kien l-iskop tiegħi, għax kien kważi impossibbli li titlaq minn gang. Hu qal: “Qed ninnotaw li m’għadekx tiġi għal-laqgħat tagħna u li minflok qed tmur għal-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova. X’biħsiebek tagħmel?” Għedtlu li ridt inkompli nistudja l-Bibbja u nbiddel ħajti. Bqajt sorpriż meta qalli li l-gang kienet se tirrispettani dment li nuri li vera ridt insir Xhud taʼ Ġeħova. Imbagħad qalli: “Jekk vera trid issir taf dwar Alla, ibqaʼ max-Xhieda taʼ Ġeħova. Issa qed nippretendu li ħa tieqaf tagħmel affarijiet ħżiena. Nawguralek. Qiegħed fit-triq it-tajba. Ix-Xhieda jistgħu jgħinuk ħafna. Jien studjajt magħhom l-Istati Uniti u għandi xi wħud fil-familja li huma Xhieda taʼ Ġeħova. Tibżax. Ibqaʼ sejjer kif int.” Xorta kont għadni mbeżżaʼ, imma fl-istess ħin, kont ferħan ħafna. Irringrazzjajt lil Alla Ġeħova f’qalbi. Ħassejtni bħal għasfur meħlus mill-gaġġa, u stajt nifhem kliem Ġesù: “Tkunu tafu l-verità, u l-verità teħliskom.”—Ġwanni 8:32.
Però, xi ftit mill-ħbieb li kelli qabel offrewli d-droga biex jaraw jekk hux se naqaʼ għaliha. Ikolli ngħid li ġieli ħadt. Imma maż-żmien, wara ħafna talb u determinazzjoni, fl-aħħar għelibt il-vizzji tiegħi.—Salm 51:10, 11.
Wara li ġejt illiberat mill-ħabs, ħafna kienu jaħsbu li se nerġaʼ naqbad il-ħajja li kelli qabel, imma m’għamiltx hekk. Minflok, spiss erġajt mort il-ħabs biex nitkellem maʼ dawk fil-ħabs dwar dak li tgħallimt mill-Bibbja. Fl-aħħar, il-ħbieb li kelli qabel ikkonvinċew ruħhom li nbdilt. B’dispjaċir, l-għedewwa tiegħi ma ħasbuhiex bħalhom.
Darba minnhom, waqt li jien u ieħor konna qed nippritkaw, f’temp taʼ ftit sekondi daru magħna membri armati taʼ gang li qabel kienu għedewwa tiegħi. Dawn riedu joqtluni. B’rispett u b’kuraġġ sieħbi spjegalhom li ma kontx għadni nagħmel parti minn gang. Sadattant, provajt nibqaʼ kalm. Wara li tawni xebgħa u wissewni biex ma nerġax nidħol f’dik l-akkwata, l-irġiel ma baqgħux jhedduna bl-armi u ħallewna nitilqu. Il-Bibbja kienet verament bidlitli ħajti. Qabel kieku kont nipprova npattihielhom. Imma llum il-ġurnata nobdi l-parir tal-Bibbja li hemm fl-1 Tessalonikin 5:15: “Araw li ħadd ma jrodd ħsara bi ħsara lil ħaddieħor, imma dejjem fittxu l-ġid taʼ xulxin u taʼ kulħadd.”
Mindu sirt Xhud taʼ Ġeħova, għamilt kulma stajt biex inkun raġel onest. Ma kienx faċli. Minkejja dan, bl-għajnuna taʼ Alla Ġeħova, il-pariri tal-Bibbja, u l-appoġġ tal-ħbieb il-ġodda, irnexxieli. Qatt ma rrid nerġaʼ nagħmel l-affarijiet taʼ qabel.—2 Pietru 2:22.
KIF IBBENEFIKAJT
Kont raġel vjolenti rrabjat ħafna. Ninsab ċert li llum ma kontx inkun ħaj li kieku bqajt vjolenti. Dak li tgħallimt mill-Bibbja biddilni. Qtajt il-vizzji li kelli. Tgħallimt inżomm il-paċi mal-għedewwa li kelli qabel. (Luqa 6:27) U issa qed ingawdi ħbiberiji li jgħinuni jkolli kwalitajiet tajbin. (Proverbji 13:20) Għandi ħajja ferħana bi skop u qed naqdi lil Alla li kien lest li jaħfirli d-dnubiet kollha li għamilt.—Isaija 1:18.
Fl-2006, kont wieħed mill-istudenti fejn ġejt trenjat b’mod speċjali bħala evanġelizzatur Kristjan single. Xi snin wara, iżżewwiġt lill-għażiża marti, u qed inrabbu t-tifla flimkien. Issa qed inqattaʼ ħafna mill-ħin tiegħi ngħallem lil oħrajn il-prinċipji tal-Bibbja li sibthom t’għajnuna jien stess. Qed naqdi wkoll bħala anzjan fil-kongregazzjoni lokali u qed nipprova ngħin liż-żgħażagħ biex ma jagħmlux l-iżbalji li għamilt meta kont daqshom. Minflok ma qed nistieden il-mewt tiegħi, issa qed naħdem għall-ħajja taʼ dejjem li Alla jwiegħed fil-Bibbja.