IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET
Fl-aħħar kien hemm il-paċi bejni u bejn missieri
SENA TAT-TWELID: 1954
POST TAT-TWELID: Il-Filippini
PASSAT: Miġġieled minn maʼ missier vjolenti
IL-PASSAT TIEGĦI
Ħafna turisti jmorru jaraw il-kaskati famużi li hemm viċin il-belt taʼ Pagsanjan fil-Filippini. Hemmhekk, missieri, Nardo Leron, trabba fil-faqar. Peress li ra l-korruzzjoni fil-politika, fil-korp tal-pulizija, u fuq il-post tax-xogħol, sar aħrax u rrabjat.
Il-ġenituri tiegħi ħadmu ħafna biex irabbu tmint itfal. Spiss kienu jagħmlu żmien twil ma jersqu lejn id-dar biex jieħdu ħsieb xi għelieqi fil-muntanji. Ħafna drabi, jien u ħija Rodelio kien ikollna nieħdu ħsieb tagħna nfusna, u kemm-il darba konna nkunu bil-ġuħ. Bħala tfal, ma tantx kellna ċans nilagħbu. Hekk kif konna ngħalqu s-sebaʼ snin, kien ikollna nibdew naħdmu. Konna nġorru tagħbijiet tqal tal-coconuts f’passaġġi weqfin fil-muntanja. Jekk it-tagħbija kienet tkun tqila wisq biex nerfgħuha, kien ikollna nkaxkruha.
Kellna nissaportu s-swat taʼ missieri, imma iktar kien taʼ wġigħ meta konna narawh isawwat ’l ommi. Konna nipprovaw inwaqqfuh, imma kien kollu għalxejn. Jien u Rodelio konna ftehemna bil-moħbi biex meta nikbru noqtlu lil missieri. Kemm kont nixtieq li jkollna missier li jħobbna!
Peress li kont frustrat u rrabjat minħabba li missieri kien vjolenti, tlaqt mid-dar meta kelli 14-il sena. Għal xi żmien ma kellix saqaf fuq rasi, u bdejt nieħu l-marijuana. Maż-żmien, bdejt naħdem billi kont nieħu t-turisti bid-dgħajsa ħdejn il-kaskati.
Ftit tas-snin wara, bdejt nistudja f’università f’Manila. Imma minħabba li kien ikolli triq twila biex immur xogħol f’Pagsanjan fi tmiem il-ġimgħa, ma tantx kien jifdalli ħin biex nistudja. Kelli ħajja diffiċli u bla skop, u l-marijuana ma baqgħetx tnaqqasli l-ansjetà li kelli. Bdejt nesperimenta bl-eroina u drogi stimulanti bħall-methamphetamines u l-kokaina. Id-drogi u l-immoralità sesswali imorru id f’id. Madwari kont nara faqar, inġustizzja, u tbatija. Jien kont nobgħod il-gvern u kont inwaħħal fih għal dak li kien qed jiġri. Lil Alla saqsejtu, “Għala l-ħajja hi daqshekk diffiċli?” Investigajt reliġjonijiet differenti, imma ma sibt l-ebda tweġiba. Allura, kont nieħu iktar droga biex naħbi d-dwejjaq tiegħi.
Fl-1972, xi studenti fil-Filippini organizzaw protesti kontra l-gvern. Ingħaqadt maʼ waħda minn dawn il-protesti li mbagħad ħadet xejra vjolenti. Ħafna ġew arrestati, u xhur wara, daħlet fis-seħħ il-liġi marzjali, fejn il-pajjiż ġie mmexxi mis-suldati.
Erġajt spiċċajt bla saqaf fuq rasi, imma din id-darba bil-biżaʼ mill-awtoritajiet għax kont ħadt sehem fir-ribelljoni. Biex ikolli l-flus għad-drogi, spiċċajt nisraq u, maż-żmien, bdejt nagħmel xogħol taʼ prostitut lil nies sinjuri u barranin. Ma kienx jimpurtani jekk nibqax ħaj jew le.
Sadanittant, ommi u wieħed minn ħuti bdew jistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Missieri kien irrabjat, u ħarqilhom il-letteratura tal-Bibbja. Imma ma qatgħux qalbhom u tgħammdu bħala Xhieda.
Darba minnhom, Xhud kien kellem lil missieri dwar xi twiegħed il-Bibbja dwar il-futur, meta l-ġustizzja vera se tkun stabbilita mad-dinja kollha. (Salm 72:12-14) Din it-tama tant għoġbitu lil missieri li ddeċieda jfittex għalih innifsu. Fil-Bibbja, apparti li tgħallem dwar il-wegħda t’Alla, li se jkun hemm gvern ġust, tgħallem ukoll dwar x’jistenna Alla mill-irġiel miżżewġin u missirijiet. (Efesin 5:28; 6:4) Ftit wara, hu u l-bqija taʼ ħuti saru Xhieda. Peress li kont noqgħod ’il bogħod minnhom, ma kontx naf b’dan kollu.
KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI
Fl-1978, mort ngħix l-Awstralja. Imma lanqas f’dan il-pajjiż paċifiku u sinjur ma setaʼ jkolli l-paċi tal-moħħ. Bqajt bil-vizzju tal-alkoħol u d-drogi. Iktar tard dik is-sena, ġew għandi x-Xhieda taʼ Ġeħova. Għoġobni dak li wrewni mill-Bibbja dwar li se jkun hawn art mimlija paċi, imma peress li ma tantx kont naf dwarhom, qgħadt attent kemm ninvolvi ruħi magħhom.
Ftit wara dan, erġajt mort il-Filippini għal ftit ġimgħat. Ħuti qaluli li missieri kien ħadem ħafna biex ikun persuna aħjar, imma tant kont għadni nistmerru li pruvajt nevita kull kuntatt miegħu.
Waħda minn ħuti spjegatli mill-Bibbja għala l-ħajja hi mimlija sofferenzi u inġustizzja. Bqajt impressjonat kif żagħżugħa bi ftit esperjenza setgħet twiġibli l-mistoqsijiet tiegħi. Qabel tlaqt, missieri tani l-ktieb Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art. a Hu qalli: “Il-ħajja li qed tgħix mhux se ttik it-tweġibiet li għandek bżonn. Dal-ktieb se jgħinek issib dak li qed tfittex.” Ħeġġiġni biex infittex ix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Awstralja.
Smajt mill-parir taʼ missieri u sibt Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Ġeħova viċin fejn noqgħod fi Brisbane. Aċċettajt li jkolli studju tal-Bibbja regolari. Profeziji tal-Bibbja bħal dawk f’Danjel kapitlu 7 u Isaija kapitlu 9 wrewni li l-gvern immexxi minn Alla, li ma fih ebda korruzzjoni, se jmexxi fuqna fil-futur. Sirt naf li se ngawdu l-kundizzjonijiet tal-Ġenna fuq l-art. Ridt li Alla jkun kuntent bija, imma rrealizzajt li kelli nikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħi, nieqaf milli nabbuża mid-droga u l-alkoħol, u ma nibqax ngħix ħajja ħażina. Tlaqt it-tfajla li kont ngħix magħha, u qtajt il-vizzji. Hekk kif kelli iktar fiduċja f’Ġeħova, tlabtu biex jgħinni nagħmel bidliet oħra.
Bil-mod il-mod, bdejt nirrealizza li dak li bdejt nitgħallem jistaʼ vera jbiddel persuna. Il-Bibbja tgħid li permezz taʼ sforz, aħna nistgħu nilbsu ‘personalità ġdida.ʼ (Kolossin 3:9, 10) Hekk kif provajt nagħmel dan, irrealizzajt li dak li smajt dwar missieri, dwar li biddel il-personalità tiegħu, jistaʼ jkun minnu. Minflok rabja u mibegħda, ridt li jkun hemm il-paċi bejnietna. Fl-aħħar, lil missieri ħfirtlu u ma bqajtx inżomm dik ir-rabja li kelli għalih minn tfuliti.
KIF IBBENEFIKAJT
Bħala żagħżugħ, spiss kont nagħmel bħal oħrajn. Dan kien iwassalni biex nagħmel affarijiet li kienu taʼ ħsara. Fil-każ tiegħi, stajt nara kemm hu minnu dak li twissi l-Bibbja, għax meta għamiltha maʼ nies ħżiena, wassluni biex naġixxi ħażin. (1 Korintin 15:33) Imma għamilt ħbieb taʼ min jafdahom fost ix-Xhieda taʼ Ġeħova, u għenuni nsir persuna aħjar. Apparti minn hekk, fosthom iltqajt maʼ marti Loretta, mara mill-aħjar. Aħna ngħallmu lil oħrajn kif il-Bibbja tistaʼ tgħinhom.
Grazzi għall-Bibbja, stajt nara lil missieri jsir dak li qatt ma ħsibt li jistaʼ jsir—raġel li jaf iħobb lil ommi u Kristjan umli li jħobb il-paċi. Meta ltqajna wara li tgħammidt bħala Xhud taʼ Ġeħova fl-1987, missieri għannaqni għall-ewwel darba f’ħajti!
Għal iktar minn 35 sena, missieri baqaʼ jaħdem flimkien maʼ ommi billi ppritkaw it-tama tal-Bibbja m’oħrajn. Hu sar raġel li jagħmel xogħlu sew u sar jaf jieħu interess f’oħrajn. Fil-fatt sar magħruf li jgħin lin-nies. Matul dawn is-snin, sirt nirrispettah u nħobbu. Sirt kburi li jien it-tifel tiegħu! Hu ġie nieqes fl-2016, imma naħseb fih b’affezzjoni kbira, peress li naf li kemm jien u kemm hu għamilna bidliet kbar fil-personalità tagħna hekk kif applikajna t-tagħlim tal-Bibbja. Ma baqagħli l-ebda traċċa taʼ mibegħda mill-ħajja taʼ qabel. U jien grat ħafna li sibt lil Missieri tas-sema, Alla Ġeħova, li jwiegħed it-tmiem taʼ dak kollu li jikkaġuna l-inkwiet fil-familji mad-dinja kollha.
a Ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova imma issa m’għadux jiġi stampat.