Alla Jwieġeb it-Talb taʼ Mara Nieqsa mid-Dawl
Yanmei, oħt mill-Asja, offriet li tgħin lil mara nieqsa mid-dawl jisimha Mingjie biex taqsam it-triq. a Il-mara qalet lill-oħt: “Grazzi, jalla Alla jkun jafhulek!” Imbagħad, Yanmei staqsietha jekk tixtieqx li jiltaqgħu u jiddiskutu l-Bibbja flimkien. Mingjie mbagħad qaltilha li hi kienet qed titlob kuljum biex Alla juriha liema hi l-vera reliġjon. Għala kienet qed titlob dwar dan?
Mingjie spjegat lill-oħt li fl-2008, hi kienet ġiet mistiedna minn ħabiba, li hi wkoll nieqsa mid-dawl, biex tmur il-knisja li kienet tgħin lill-persuni b’diżabilità. Wara l-quddies, Mingjie staqsiet lill-qassis minn liema ktieb kien qed jaqra. Hu qalilha li kien qed jaqra mill-Bibbja, il-Kelma t’Alla. Dan ħajjarha tkun trid taqraha. Hi rnexxielha tiddobba Bibbja bil-Braille bil-lingwa Ċiniża. Din kien fiha 32 volum, u hi rnexxielha taqrahom f’madwar sitt xhur. Hekk kif Mingjie kompliet taqra l-Bibbja, waħedha ndunat li d-duttrina tat-Trinità li kienet tgħallmet ma kinitx fil-Bibbja u li Alla għandu isem, Ġeħova.
Barra minn hekk, Mingjie kienet vera diżappuntata mill-mod kif kienu qed iġibu ruħhom il-membri tar-reliġjon. Hi kienet qed tinduna li huma ma kinux qed jgħixu skont dak li tgħid il-Bibbja. Pereżempju, huma kienu qed jagħtu l-ikel frisk lil dawk li jaraw u żżejjed li kien jibqgħalhom jagħtuh lil dawk neqsin mid-dawl. Dan vera weġġagħha lil Mingjie, tant li bdiet tfittex reliġjonijiet oħra. Kien għalhekk li qalet lill-oħt li kienet qed titlob biex issib ir-reliġjon vera.
Minħabba l-għajnuna li tatha Yanmei, Mingjie aċċettat li tistudja l-Bibbja magħha u iktar tard marret għall-ewwel laqgħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Hi tgħid: “Qatt mhu se ninsa l-ewwel darba li mort. Kulħadd ġie jilqagħni mill-qalb. Dan vera messli qalbi għax għalkemm jiena nieqsa mid-dawl, ħassejtni maħbuba.”
Mingjie bdiet tagħmel progress u bdiet tattendi l-laqgħat b’mod regolari. Hi vera kienet tieħu pjaċir tkanta l-għanjiet. Imma dan ma kienx faċli għaliha għax il-ktieb tal-għanjiet ma kienx bil-Braille li kienet taf taqra hi. Għalhekk, bl-għajnuna tal-aħwa, irnexxielha tagħmel il-ktieb tal-għanjiet tagħha. Hi ħadet 22 siegħa biex qalbet 151 għanja għall-Braille! F’April tal-2018, Mingjie bdiet toħroġ fuq is-service u wara ftit bdiet tqattaʼ mat-30 siegħa fix-xahar tipprietka.
Biex tgħin lil Mingjie tasal għall-magħmudija, Yanmei għamlet rekording bl-awdjo tal-mistoqsijiet u l-versi mill-Bibbja tal-ktieb Organizzati biex nagħmlu r-rieda ta’ Ġeħova. F’Lulju tal-2018, Mingjie tgħammdet. Hi tgħid: “L-imħabba li wrewni l-aħwa f’dik il-konvenzjoni vera messitli qalbi. Tant kont ferħana li sibt ir-reliġjon vera, li bdejt nibki.” (Ġwanni 13:34, 35) Issa, Mingjie tixtieq li turi m’oħrajn l-istess imħabba li rċeviet hi. Għalhekk, ix-xogħol full-time tagħha hu l-ippritkar.
a L-ismijiet ġew mibdulin.