Ix-Xhieda baqgħu kalmi meta ltaqgħu maʼ qassisin irrabjati
Artur, indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet fl-Armenja, kien qed iżur kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Hu nnota li huma kienu għadhom qatt ma ħadu sehem f’ippritkar f’postijiet pubbliċi, fejn jużaw stands b’letteratura bbażata fuq il-Bibbja. Biex jinkuraġġihom jibdew jagħtu xhieda b’dan il-mod, hu ħareġ jagħti xhieda bl-istand f’belt żgħira flimkien maʼ martu Anna u ħu ieħor jismu Jirayr. Huma għażlu post fejn jgħaddu ħafna nies.
In-nies mill-ewwel bdew juru interess u jieħdu l-letteratura. Però, wara ftit, anki wħud li jopponu bdew jinnotaw l-istand. Żewġ qassisin bdew resqin lejn ix-Xhieda. Imbagħad, wieħed minnhom qabad u ta daqqa taʼ sieq l-istand u waqqagħha. Wara, ta daqqa lil Artur ġo wiċċu u tajjarlu n-nuċċali. Artur, Anna, u Jirayr ipprovaw jikkalmaw lill-qassisin, imma kien kollu għalxejn. Il-qassisin ipprovaw ikissru l-istand b’sieqhom u l-letteratura spiċċat imferrxa ’l hemm u ’hawn. Qabel ma telqu, il-qassisin għajru lix-Xhieda u hedduhom.
Artur, Anna, u Jirayr marru jagħmlu rapport l-għassa tal-pulizija. Huma qalulhom x’ġara u għal ftit ħin tkellmu dwar il-Bibbja maʼ xi pulizija u ħaddiema oħra. It-tliet Xhieda ttieħdu għand l-uffiċjal tal-pulizija. Għall-ewwel xtaq biss ikun jaf dwar x’ġara. Imma meta sar jaf li Artur, li kien raġel b’saħħtu, m’għamel xejn meta qalaʼ daqqa ġo wiċċu, l-uffiċjal ma baqax jistaqsi dwar dak li ġara, imma beda jistaqsi dwar it-twemmin tax-Xhieda. B’hekk huma damu erbaʼ sigħat jitkellmu flimkien! L-uffiċjal vera impressjona ruħu b’dak li semaʼ u qal: “X’reliġjon dik! Aħjar qiegħed magħkom!”
Il-ġurnata taʼ wara, meta Artur reġaʼ mar jipprietka bl-istand, ġie ħdejh raġel li kien ra x’kien ġara l-ġurnata taʼ qabel. Ir-raġel faħħar lil Artur talli baqaʼ kalm u ma ġġilidx mal-qassisin. Hu qal li wara li ra dak li ġara, tilef kull rispett lejn il-qassisin.
Dakinhar filgħaxija, l-uffiċjal qal lil Artur biex jerġaʼ jmur l-għassa tal-pulizija. Imma minflok ma ddiskuta l-kas, hu staqsa iktar mistoqsijiet dwar il-Bibbja. Żewġ pulizija oħra daħlu fid-diskussjoni.
Il-ġurnata taʼ wara, Artur reġaʼ żar lill-uffiċjal. Din id-darba, hu wrieh xi vidjows ibbażati minn fuq il-Bibbja. L-uffiċjal sejjaħ lil xi pulizija oħra biex jaraw il-vidjows ukoll.
B’hekk, minħabba l-mod kif ġabu ruħhom il-qassisin, ħafna pulizija ngħataw xhieda tajba għall-ewwel darba. Dan għen biex ikollhom ħarsa pożittiva lejn ix-Xhieda taʼ Ġeħova.