Hu tgħallem dwar Ġeħova mill-aħwa fil-ħabs
Fl-2011, raġel mill-Eritrea mar jgħix in-Norveġja bħala refuġjat. Hemmhekk, hu ġie kkuntattjat mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Hu qalilhom li kien iltaqaʼ max-Xhieda fl-Eritrea. Hu qal li waqt li kien qed jaħdem fl-armata, kien ra Xhieda li daħlu l-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom. Hu qal li huma m’aċċettawx li jidħlu fl-armata anki meta ġew trattati bl-aħrax.
Hu jkompli jirrakkonta lix-Xhieda fin-Norveġja li meta kien l-Eritrea, f’daqqa waħda ġrat xi ħaġa u hu stess spiċċa l-ħabs. Hemmhekk, hu ltaqaʼ maʼ tliet Xhieda—Paulos Eyasu, Negede Teklemariam, u Isaac Mogos—li kienu ilhom il-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom mill-1994.
Waqt li kien il-ħabs, hu setaʼ jara b’għajnejh stess li x-Xhieda taʼ Ġeħova jgħixu fi qbil maʼ dak li jgħallmu. Hu nnota l-onestà tagħhom u rahom anki jaqsmu mill-ikel tagħhom maʼ priġunieri oħra. Hu ra lix-Xhieda fil-ħabs jistudjaw il-Bibbja flimkien kuljum u jistiednu oħrajn biex jistudjawha magħhom. Meta ngħataw l-opportunità li joħorġu mill-ħabs billi jiċħdu t-twemmin tagħhom, huma m’aċċettawx.
Dan ir-raġel sinċier kien impressjonat ħafna b’dan. Infatti, wara li ħareġ mill-ħabs u mar in-Norveġja, xtaq isir jaf għala x-Xhieda taʼ Ġeħova għandhom fidi daqshekk b’saħħitha. Għalhekk, meta kkuntattjawh ix-Xhieda, hu mill-ewwel beda jistudja l-Bibbja magħhom u jattendi l-laqgħat tagħhom.
F’Settembru tal-2018, hu tgħammed bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Issa hu jieħu kull opportunità biex jagħmel kuntatt man-nies mill-Eritrea u s-Sudan u jinkuraġġihom biex jistudjaw il-Bibbja ħalli jkollhom fidi b’saħħitha.