Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jkissru l-familji jew isaħħuhom?
Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna naħdmu biex insaħħu l-familji, kemm tagħna kif ukoll tal-ġirien tagħna. Aħna għandna rispett għal Alla bħala l-Ħallieq tal-familja. (Ġenesi 2:21-24; Efesin 3:14, 15) Fil-Bibbja, hu jgħallimna prinċipji li għenu lil nies madwar id-dinja jkollhom żwieġ b’saħħtu u hieni.
Kif ix-Xhieda taʼ Ġeħova jħeġġu biex il-familji jkunu b’saħħithom
Aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nobdu l-pariri tal-Bibbja, ladarba dawn jagħmluna rġiel, nisa, u ġenituri aħjar. (Proverbji 31:10-31; Efesin 5:22–6:4; 1 Timotju 5:8) L-għerf li nsibu fil-Bibbja saħansitra jgħin lill-familji li m’għandhomx l-istess reliġjon jirnexxu. (1 Pietru 3:1, 2) Ikkunsidra x’qalu xi wħud li mhumiex Xhieda u li l-irġiel jew in-nisa tagħhom saru Xhieda taʼ Ġeħova:
“Tgħidx kemm konna niġġieldu u nilletikaw l-ewwel sitt snin li konna flimkien. Imma wara li Ivete saret waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova bdiet turi iktar imħabba u paċenzja. Il-bidliet li għamlet salvaw iż-żwieġ tagħna.”—Clauir, mill-Brażil.
“Jien ma qbiltx meta żewġi, Chansa, beda jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova, għax ħsibt li huma jkissru l-familji. Imma minn dakinhar ’l hawn stajt nara li l-Bibbja fil-fatt għenet iż-żwieġ tagħna.”—Agness, miz-Zambja.
Fil-ministeru tagħna, aħna nuru lill-ġirien tagħna kif l-għerf li jinsab fil-Bibbja, jekk japplikawh, jistaʼ jgħinhom
Jirnexxu fl-ewwel sena taż-żwieġ
Fir-relazzjoni mal-kunjati
Iqassmu flushom sew
Ma jibqgħux jargumentaw
Iħarrġu lil uliedhom
Ikun hemm nuqqas taʼ qbil fi żwieġ meta persuna tbiddel ir-reliġjon?
Irridu nammettu li kultant iva. Pereżempju, rapport tal-1998 mill-kumpanija taʼ riċerka Sofres qal li 1 minn kull 20 żwieġ li fih wieħed mill-imseħbin biss kien Xhud kellu problemi serji meta dik il-persuna saret Xhud taʼ Ġeħova.
Ġesù bassar li dawk li jsegwu t-tagħlim tiegħu kultant se jkollhom problemi fil-familja. (Mattew 10:32-36) L-istudjuż Will Durant innota li taħt l-Imperu Ruman, “il-Kristjani kienu akkużati li jkissru l-familji,” a u xi wħud mix-Xhieda taʼ Ġeħova llum jiffaċċjaw l-istess akkuża. Imma jfisser dan li hu x-Xhud li jaqlaʼ l-ġlied?
Meta l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet qed tikkunsidra l-akkuża li x-Xhieda taʼ Ġeħova jkissru l-familji, qalet li spiss huma l-membri tal-familja li mhumiex Xhieda li jaqilgħu l-inkwiet. Dan għax ma jkunux lesti li “jaċċettaw u jirrispettaw il-libertà tal-qarib reliġjuż tagħhom biex jesprimi u jipprattika r-reliġjon tiegħu.” Il-Qorti żiedet tgħid: “Din is-sitwazzjoni hi komuni fiż-żwiġijiet kollha li ma jkunux tal-istess twemmin u x-Xhieda taʼ Ġeħova mhumiex eċċezzjoni.” b Imma anki meta jiffaċċjaw oppożizzjoni minħabba r-reliġjon tagħhom, ix-Xhieda taʼ Ġeħova xorta waħda jistinkaw biex japplikaw dan il-parir tal-Bibbja: “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara. . . . Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha.”—Rumani 12:17, 18.
Għala x-Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu li għandhom jiżżewġu biss lil xi ħadd li għandu r-reliġjon tagħhom
Ix-Xhieda jagħtu kas l-istruzzjoni tal-Bibbja biex jiżżewġu “biss fil-Mulej,” jiġifieri, lil xi ħadd li għandu l-istess twemmin tagħhom. (1 Korintin 7:39) Dan il-kmand hu kemm Bibliku kif ukoll prattiku. Pereżempju, artiklu fl-2010 mill-Journal of Marriage and Family qal li l-koppji li “għandhom l-istess reliġjon, prattiki, u twemmin” spiss ikollhom relazzjonijiet iktar b’saħħithom. c
Madankollu, ix-Xhieda mhumiex tal-parir li jisseparaw minn żewġhom jew marthom li mhix Xhud. Il-Bibbja tgħid: “Jekk xi ħu għandu martu li ma temminx, iżda din taqbel li tgħammar miegħu, ħa ma jitlaqhiex; u l-mara li għandha żewġha li ma jemminx, iżda dan jaqbel li jgħammar magħha, ħa ma titlaqx lil żewġha.” (1 Korintin 7:12, 13) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jobdu dan il-kmand.