Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif iqisuhom il-funerali?
Aħna nibbażaw il-ħarsa u l-prattiki tagħna relatati mal-funerali fuq dak li tgħallem il-Bibbja, inkluż dan li ġej:
Huwa normali li titnikket minħabba l-mewt taʼ xi ħadd maħbub. Id-dixxipli taʼ Ġesù tnikktu minħabba l-mewt tal-maħbubin tagħhom. (Ġwanni 11:33-35, 38; Atti 8:2; 9:39) B’hekk, aħna ma nqisux funeral bħala żmien biex nixxalaw. (Ekkleżjasti 3:1, 4; 7:1-4) Minflok, aħna nqisuh bħala żmien biex nuru empatija.—Rumani 12:15.
Il-mejtin mhumiex konxji. Minkejja l-background etniku jew kulturali li għandna, aħna nevitaw drawwiet jew prattiki bbażati fuq twemmin mhux Skritturali li l-mejtin huma konxji u jistgħu jinfluwenzaw lill-ħajjin. (Ekkleżjasti 9:5, 6, 10) Dawn jinkludu drawwiet bħal meta xi ħadd jibqaʼ għassa mal-mejjet, ċelebrazzjonijiet u anniversarji lussużi tal-funerali, sagrifiċċji għall-mejtin, li wieħed jitkellem mal-mejtin u jitlobhom affarijiet, u riti tar-romol. Aħna nevitaw dawn id-drawwiet u l-prattiki kollha, b’ubbidjenza għall-kmand tal-Bibbja: “Infirdu minn magħhom, . . . u tibqgħux tmissu dak li mhux nadif.”—2 Korintin 6:17.
Hemm tama għall-mejtin. Il-Bibbja tgħallem li se jkun hemm irxoxt u li se jasal iż-żmien meta l-mewt ma tkunx iktar. (Atti 24:15; Rivelazzjoni 21:4) Din it-tama tgħinna nevitaw prattiki estremi taʼ vistu, l-istess bħalma għenet lill-Kristjani tal-bidu.—1 Tessalonikin 4:13.
Il-Bibbja tirrikkmanda l-modestja. (Proverbji 11:2) Aħna ma nemmnux li funeral għandu jkun opportunità biex ‘niffanfraw’ bl-istat soċjali jew ekonomiku li għandna. (1 Ġwanni 2:16) Aħna ma norganizzawx funerali b’ħafna tberbiq taʼ flus li huma maħsuba primarjament għal divertiment jew li fihom twiebet għaljin ħafna u lbies estrem li jimpressjona lil dawk li jarawhom.
Aħna ma nipprovawx nimponu fuq oħrajn it-twemmin tagħna dwar il-funerali. F’dan ir-rigward, aħna nimxu fuq il-prinċipju: “Kull wieħed minna se jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.” (Rumani 14:12) Madankollu, jekk ningħataw l-opportunità, aħna nipprovaw nispjegaw it-twemmin tagħna “bil-ħlewwa u b’rispett profond.”—1 Pietru 3:15.
Kif ikun funeral tax-Xhieda?
Il-post: Jekk familja tiddeċiedi li tagħmel funeral, dan jistaʼ jsir fi kwalunkwe post li tagħżel il-familja, bħal f’Sala tas-Saltna, f’post fejn isiru l-funerali, f’dar privata, fi krematorju, jew maġenb il-qabar.
Is-servizz: Tingħata taħdita biex tfarraġ lill-qraba u l-ħbieb billi jiġi spjegat dak li tgħid il-Bibbja dwar il-mewt u t-tama tal-irxoxt. (Ġwanni 11:25; Rumani 5:12; 2 Pietru 3:13) Il-programm tal-funeral jistaʼ jfakkar il-kwalitajiet tajbin tal-persuna li mietet, u forsi jenfasizza lezzjonijiet inkuraġġanti mill-eżempju taʼ lealtà taʼ din il-persuna.—2 Samwel 1:17-27.
Tistaʼ titkanta għanja bbażata fuq l-Iskrittura. (Kolossin 3:16) Is-servizz jispiċċa b’talba taʼ faraġ.—Filippin 4:6, 7.
Ħlas jew ġbir: Aħna ma nitolbux ħlas għal xi servizz reliġjuż, inkluż il-funerali, u lanqas ma jsir ġbir taʼ flus waqt il-laqgħat tagħna.—Mattew 10:8.
Attendenza: Dawk li mhumiex Xhieda jistgħu jattendu funeral li jsir f’Sala tas-Saltna. Bħal-laqgħat l-oħra tagħna, is-servizzi tal-funerali huma miftuħin għall-pubbliku.
Ix-Xhieda jattendu funerali li jsiru minn reliġjonijiet oħra?
Kull Xhud jiddeċiedi għalih innifsu, skont il-kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-Bibbja. (1 Timotju 1:19) Madankollu, aħna ma niħdux sehem f’ċerimonji reliġjużi li nħossu li mhumiex fi qbil mal-Bibbja.—2 Korintin 6:14-17.