Ix-Xhieda ta’ Ġeħova Għala Ma Jiċċelebrawx l-Għid?
Ideat żbaljati komuni
Ħrafa: Ir-raġuni għala x-Xhieda taʼ Ġeħova ma jiċċelebrawx l-Għid hi għax mhumiex Kristjani.
Fatt: Aħna nemmnu li Ġesù Kristu hu s-Salvatur tagħna, u nagħmlu l-almu tagħna biex ‘nimxu mill-qrib wara l-passi tiegħu.’—1 Pietru 2:21; Luqa 2:11.
Ħrafa: Intom ma temmnux li Ġesù ġie mqajjem mill-mewt.
Fatt: Aħna nemmnu fl-irxoxt taʼ Ġesù; nirrikonoxxu li hu fundamentali għall-fidi Kristjana u nenfasizzawh fl-ippritkar tagħna.—1 Korintin 15:3, 4, 12-15.
Ħrafa: Intom ma jimpurtakomx li wliedkom ma jesperjenzawx il-ferħ li ġġib magħha l-festa tal-Għid.
Fatt: Lil uliedna nħobbuhom—nagħmlu kulma nistgħu biex inħarrġuhom u ngħinuhom ikunu ferħanin.—Titu 2:4.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala ma jiċċelebrawx l-Għid?
Iċ-ċelebrazzjoni tal-festa tal-Għid mhijiex ibbażata fuq il-Bibbja.
Ġesù kkmandana biex nikkommemoraw il-mewt tiegħu, mhux l-irxoxt tiegħu. Aħna nosservaw din it-Tifkira kull sena fl-anniversarju tal-mewt tiegħu, skont il-kalendarju lunari tal-Bibbja.—Luqa 22:19, 20.
Aħna nemmnu li l-oriġini tad-drawwiet tal-għid, li jiġu minn riti antiki tal-fertilità, jagħmlu l-Għid mhux aċċettabbli għal Alla. Alla jridna nagħtuh “devozzjoni esklużiva,” u joffendi ruħu b’qima li tinkludi prattiki li ma japprovahomx.—Eżodu 20:5; 1 Slaten 18:21.
Aħna nemmnu li d-deċiżjoni tagħna biex ma niċċelebrawx l-Għid hi bbażata b’mod sod fuq il-Bibbja, li tinkuraġġina nużaw l-‘għaqal u l-abbiltà li naħsbu,ʼ u mhux li sempliċement insegwu t-tradizzjonijiet tal-bnedmin. (Proverbji 3:21; Mattew 15:3) Filwaqt li naqsmu maʼ ħaddieħor it-twemmin tagħna dwar l-Għid meta xi ħadd jistaqsina, nirrispettaw ukoll id-dritt taʼ kull individwu li jiddeċiedi x’se jagħmel.—1 Pietru 3:15.