Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Għala b’Rispett Ma Jiħdux Sehem f’Ċerimonji Nazzjonalistiċi?
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jirrispettaw il-gvernijiet u l-affarijiet li jirrappreżentaw lill-pajjiż. Aħna naċċettaw il-fatt li oħrajn jagħżlu li jagħmlu dikjarazzjonijiet taʼ lealtà lejn il-pajjiż (bħal meta xi ħadd jappoġġa lil pajjiżu), isellmu lill-bandiera, jew ikantaw l-innu nazzjonali.
Però, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jagħżlu li ma jiħdux sehem f’ċerimonji bħal dawn għax aħna nemmnu li dawn mhumiex fi qbil mat-tagħlim tal-Bibbja. Aħna napprezzaw meta oħrajn jirrispettaw it-twemmin tagħna bħalma aħna nirrispettaw l-għażla tagħhom.
F’dan l-artiklu
Il-Bibbja x’tgħid dwar dan is-suġġett?
It-tagħlim tal-Bibbja li se naraw jaffettwa l-għażla tagħna:
Alla biss jixraqlu l-qima tagħna. Il-Bibbja tgħid: “Lil Ġeħova l-Alla tiegħek għandek tqim, u lilu biss għandek taqdi.” (Luqa 4:8) Dikjarazzjonijiet taʼ lealtà lejn il-pajjiż u innijiet nazzjonali spiss ikun fihom wegħda li persuna se tappoġġja l-pajjiż akkost taʼ kollox. Għalhekk, ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jħossux li hu sewwa li jipparteċipaw f’dawn iċ-ċerimonji.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jħossu li jekk isellmu lill-bandiera jkunu qishom qed iqimu lil xi ħadd jew oġġett, jiġifieri jagħmlu l-idolatrija, affarijiet li l-Bibbja tgħidilna biex ma nagħmlux. (1 Korintin 10:14) Xi nies li jistudjaw l-istorja jgħidu li l-bnadar tal-pajjiżi huma simbolu reliġjuż. Pereżempju, Carlton J.H. Hayes jgħid: “In-nazzjonaliżmu qisu reliġjon li s-simbolu ewlieni tal-fidi tagħha u l-oġġett fundamentali għall-qima hi l-bandiera.” a U Daniel P. Mannix qal: “Il-Kristjani rrifjutaw li . . jagħmlu sagrifiċċji lill-ispirtu li kien iħares lill-imperatur Ruman. Dan hu bħal meta xi ħadd ma jkunx irid isellem lill-bandiera llum.” b
Għalkemm ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jsellmux lill-bandiera jew xi simbolu nazzjonali ieħor, huma ma jagħmlulhomx vandaliżmu u ma juruhomx diżrispett b’xi mod ieħor.
Alla jqis lil kulħadd l-istess. (Atti 10:34, 35) Il-Bibbja tgħid li “minn raġel wieħed Alla għamel il-popli kollha.” (Atti 17:26) Għalhekk, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu li jkun ħażin li tqis lil xi nies jew nazzjonalità aħjar minn oħra. Aħna nirrispettaw lin-nies kollha, huma minn fejn huma u jgħixu fejn jgħixu.—1 Pietru 2:17.
Xi ngħidu jekk skont il-liġi jkollna nieħdu sehem f’dawn l-attivitajiet?
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova mhumiex kontra l-gvern. Aħna nemmnu li l-gvernijiet huma parti mill-“arranġament t’Alla” u hu jħallihom jeżistu. (Rumani 13:1-7) Aħna nemmnu wkoll li l-Kristjani għandhom jobdu l-awtoritajiet.—Luqa 20:25.
Però, x’jiġri jekk il-liġi tgħidlek tagħmel xi ħaġa li tmur kontra dak li jgħid Alla? F’xi każijiet, huwa possibbli li tagħmel rikjesta legali lill-gvern biex jirranġa l-liġi. c Meta ma jkunx possibbli li ssir bidla, b’rispett ix-Xhieda taʼ Ġeħova jagħżlu li ‘jobdu lil Alla bħala mexxej u mhux lill-bnedmin.’—Atti 5:29.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova qed jipprovaw iġibu bidla fis-soċjetà jew jappoġġjaw partit politiku?
Le. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova mhux qed jipprovaw iġibu bidla fis-soċjetà jew jappoġġaw lil xi partit politiku. Meta ma nagħmlux dikjarazzjonijiet taʼ lealtà lejn il-pajjiż, ma nsellmux lill-bandiera, jew ma nkantawx l-innu nazzjonali, mhux għax aħna rridu nagħmlu bidla fil-politika. Minflok, aħna qed nobdu dak li tgħid il-Bibbja dwar dawn iċ-ċerimonji.
a Essays on Nationalism, paġni 107-108.
b The Way of the Gladiator, paġna 212.
c Biex tara eżempju, ara l-artiklu “A Stand of Courage and Conscience Established Supreme Court Precedent 75 Years Ago.”