Huma x-Xhieda ta’ Ġeħova kult?
Le, ix-Xhieda taʼ Ġeħova mhumiex kult. Minflok, aħna Kristjani li nagħmlu l-almu tagħna biex insegwu l-eżempju li ħalla Ġesù Kristu u biex ngħixu fi qbil mat-tagħlim tiegħu.
X’inhu kult?
Il-kelma “kult” tfisser affarijiet differenti għal nies differenti. Madankollu, ikkunsidra żewġ opinjonijiet komuni rigward il-kulti u għala dawn l-opinjonijiet ma japplikawx fil-każ tagħna.
Xi wħud iqisu kult bħala reliġjon ġdida jew waħda differenti minn dak li ġeneralment hu aċċettat. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma vvintawx reliġjon ġdida. Għall-kuntrarju, aħna nsegwu l-mod kif kienu jagħtu qima l-Kristjani tal-ewwel seklu, li l-eżempju u t-tagħlim tagħhom huma mniżżlin bil-miktub fil-Bibbja. (2 Timotju 3:16, 17) Aħna nemmnu li l-Iskrittura Mqaddsa għandha tkun l-awtorità fuq dak li hu aċċettat f’dik li hi qima.
Xi wħud jaħsbu li kult huwa setta reliġjuża perikoluża b’mexxej uman. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jqisu lil ebda uman bħala l-mexxej tagħhom. Minflok, aħna nżommu maʼ dak li Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Wieħed hu l-Mexxej tagħkom, il-Kristu.”—Mattew 23:10.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova mhux talli mhumiex kult perikoluż imma talli jipprattikaw reliġjon li hi taʼ ġid kemm għalihom infushom kif ukoll għal oħrajn fil-komunità. Pereżempju, il-ministeru tagħna għen lil ħafna nies jegħlbu vizzji taʼ ħsara, bħall-abbuż tad-drogi u tal-alkoħol. Barra minn hekk, aħna nagħmlu klassijiet madwar id-dinja biex ngħinu lil eluf taʼ nies jitgħallmu jaqraw u jiktbu. U aħna involuti b’mod attiv f’li ngħinu meta jkun hemm xi diżastru. Naħdmu iebes biex ikollna effett pożittiv fuq oħrajn, bħalma Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu.—Mattew 5:13-16.