X’jemmnu x-Xhieda taʼ Ġeħova?
Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna nagħmlu l-almu tagħna biex insegwu l-Kristjanità li għallem Ġesù u li pprattikaw l-appostli tiegħu. F’dan l-artiklu se ssib it-twemmin bażiku tagħna fil-qosor.
Alla. Aħna nqimu l-Alla l-veru li Jistaʼ Kollox, il-Ħallieq, li ismu hu Ġeħova. (Salm 83:18; Rivelazzjoni 4:11) Hu l-Alla t’Abraham, Mosè, u Ġesù.—Eżodu 3:6; 32:11; Ġwanni 20:17.
Il-Bibbja. Aħna nirrikonoxxu li l-Bibbja hi messaġġ imnebbaħ minn Alla għall-bnedmin. (Ġwanni 17:17; 2 Timotju 3:16) Aħna nibbażaw it-twemmin tagħna fuq is-66 ktieb li fiha, u dawn jinkludu kemm it-“Testment il-Qadim” u kemm it-“Testment il-Ġdid.” Il-professur Jason D. BeDuhn iddeskriva b’mod tajjeb dan meta kiteb li x-Xhieda taʼ Ġeħova jibbażaw it-twemmin u l-prattiki tagħhom fuq dak li tgħid il-Bibbja verament, mingħajr ma jiddeċiedu minn qabel x’jaħsbu li suppost tgħid il-Bibbja. a
Filwaqt li naċċettaw il-Bibbja kollha, m’aħniex fundamentalisti. Aħna nirrikonoxxu li siltiet mill-Bibbja huma miktubin b’mod figurattiv jew simboliku u li m’għandhomx jinftiehmu b’mod letterali.—Rivelazzjoni 1:1.
Ġesù. Aħna nsegwu t-tagħlim u l-eżempju taʼ Ġesù Kristu u nonorawh bħala s-Salvatur tagħna u bħala l-Iben t’Alla. (Mattew 20:28; Atti 5:31) B’hekk, aħna Kristjani. (Atti 11:26) Però, mill-Bibbja tgħallimna li Ġesù mhuwiex Alla li Jistaʼ Kollox u li m’hemm l-ebda bażi Skritturali għat-tagħlim tat-Trinità.—Ġwanni 14:28.
Is-Saltna t’Alla. Din hi gvern reali fis-sema u mhux xi kundizzjoni f’qalb il-Kristjani. Din se tieħu post il-gvernijiet umani u se twettaq l-iskop t’Alla għall-art. (Danjel 2:44; Mattew 6:9, 10) Dawn il-ġrajjiet dalwaqt se jseħħu, għax il-profeziji tal-Bibbja jindikaw li qegħdin ngħixu “fl-aħħar jiem.”—2 Timotju 3:1-5; Mattew 24:3-14.
Ġesù hu s-Sultan tas-Saltna t’Alla fis-sema. Hu beda jsaltan fl-1914.—Rivelazzjoni 11:15.
Is-salvazzjoni. Il-ħelsien mid-dnub u l-mewt huwa possibbli permezz tas-sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ġesù. (Mattew 20:28; Atti 4:12) Biex jibbenefikaw minn dan is-sagrifiċċju, in-nies mhux biss iridu jeżerċitaw il-fidi f’Ġesù imma wkoll ibiddlu l-mod kif jgħixu u jitgħammdu. (Mattew 28:19, 20; Ġwanni 3:16; Atti 3:19, 20) L-għemejjel taʼ dak li jkun juru li l-fidi tiegħu hi ħajja. (Ġakbu 2:24, 26) Madankollu, is-salvazzjoni mhijiex xi ħaġa li tistaʼ tinkiseb bis-saħħa tagħna—din tiġi mill-“qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.”—Galatin 2:16, 21.
Is-sema. Alla Ġeħova, Ġesù Kristu, u l-anġli leali jgħixu fil-qasam tal-ispirti. b (Salm 103:19-21; Atti 7:55) Għadd żgħir taʼ bnedmin—144,000—se jiġu rxoxtati biex jgħixu fis-sema u jsaltnu maʼ Ġesù fis-Saltna.—Danjel 7:27; 2 Timotju 2:12; Rivelazzjoni 5:9, 10; 14:1, 3.
L-art. Alla ħalaq l-art biex tkun id-dar tal-bnedmin għal dejjem. (Salm 104:5; 115:16; Ekkleżjasti 1:4) Alla se jbierek lill-bnedmin ubbidjenti b’saħħa perfetta u b’ħajja taʼ dejjem f’ġenna tal-art.—Salm 37:11, 34.
Il-ħażen u t-tbatija. Dawn bdew meta wieħed mill-anġli t’Alla rribella. (Ġwanni 8:44) Dan l-anġlu, li wara li rribella beda jissejjaħ “Satana” u “Xitan,” ikkonvinċa lill-ewwel koppja umana biex jingħaqdu miegħu, u l-konsegwenzi ma setgħux ikunu agħar għad-dixxendenti tagħhom. (Ġenesi 3:1-6; Rumani 5:12) Sabiex jissetilja l-kwistjonijiet morali li qajjem Satana, Alla ppermetta l-ħażen u t-tbatija, imma mhuwiex se jippermetti li jibqgħu għal dejjem.
Il-mewt. In-nies li jmutu ma jibqgħux jeżistu. (Salm 146:4; Ekkleżjasti 9:5, 10) Ma jbatux f’xi nar tal-infern.
Alla se jqajjem mill-mewt lil biljuni taʼ nies permezz taʼ rxoxt. (Atti 24:15) Madankollu, dawk li ma jkunux iridu jitgħallmu l-mogħdijiet t’Alla wara li jingħataw lura l-ħajja se jiġu meqrudin għal dejjem mingħajr tama taʼ rxoxt.—Rivelazzjoni 20:14, 15.
Il-familja. Aħna nżommu mal-livell oriġinali t’Alla għaż-żwieġ, jiġifieri għaqda bejn raġel wieħed u mara waħda. L-unika bażi għal divorzju hi l-immoralità sesswali. (Mattew 19:4-9) Aħna konvinti li l-għerf li nsibu fil-Bibbja jgħin lill-familji biex jirnexxu.—Efesin 5:22–6:1.
Il-qima tagħna. Aħna ma nqimux is-salib jew xi xbieha oħra. (Dewteronomju 4:15-19; 1 Ġwanni 5:21) Aspetti importanti ħafna tal-qima tagħna jinkludu dan li ġej:
Nitolbu lil Alla.—Filippin 4:6.
Naqraw u nistudjaw il-Bibbja.—Salm 1:1-3.
Nimmeditaw fuq dak li nitgħallmu mill-Bibbja.—Salm 77:12.
Niltaqgħu flimkien biex nitolbu, nistudjaw il-Bibbja, inkantaw, nesprimu l-fidi tagħna, u ninkuraġġixxu lil sħabna x-Xhieda u lil oħrajn.—Kolossin 3:16; Ebrej 10:23-25.
Nippritkaw “l-aħbar tajba tas-saltna.”—Mattew 24:14.
Nibnu u nieħdu ħsieb Swali tas-Saltna u faċilitajiet oħrajn li jintużaw biex imexxu ’l quddiem ix-xogħol edukattiv mill-Bibbja mad-dinja kollha.—Salm 127:1.
Ngħinu meta jseħħ xi diżastru.—Atti 11:27-30.
L-organizzazzjoni tagħna. Aħna organizzati f’kongregazzjonijiet, u kull kongregazzjoni jieħdu ħsiebha ġemgħa taʼ anzjani. Però, l-anzjani mhumiex parti minn klassi tal-kleru, u ma jiġux imħallsin. (Mattew 10:8; 23:8) Aħna ma nagħtux l-għexur, u fil-laqgħat tagħna ma jsir l-ebda ġbir. (2 Korintin 9:7) L-attivitajiet kollha tagħna huma appoġġati minn donazzjonijiet li jingħataw b’mod anonimu.
Il-Ġemgħa li Tiggverna, grupp żgħir taʼ Kristjani maturi li jaqdu fil-kwartieri ġenerali tagħna, tipprovdi direzzjoni għax-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja.—Mattew 24:45.
L-unità tagħna. It-twemmin tagħna hu l-istess mad-dinja kollha, u b’hekk aħna magħqudin. (1 Korintin 1:10) Ukoll, naħdmu iebes biex ma jkunx hemm firdiet soċjali, etniċi, razzjali, jew bejn il-klassijiet. (Atti 10:34, 35; Ġakbu 2:4) Madankollu, l-unità tagħna xorta tippermettilna nagħmlu għażliet persunali. Kull Xhud jieħu d-deċiżjonijiet fi qbil mal-kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-Bibbja.—Rumani 14:1-4; Ebrej 5:14.
L-imġiba tagħna. Nagħmlu ħilitna biex nuru mħabba mingħajr egoiżmu f’kulma nagħmlu. (Ġwanni 13:34, 35) Nevitaw li nagħmlu affarijiet li ma jogħġbux lil Alla, u dan jinkludi li ma niħdux trasfużjoni tad-demm. (Atti 15:28, 29; Galatin 5:19-21) Aħna paċifiċi u ma niħdux sehem fil-gwerer. (Mattew 5:9; Isaija 2:4) Nirrispettaw il-gvern taʼ fejn ngħixu u nobdu l-liġijiet dment li dawn ma jmorrux kontra l-liġijiet t’Alla.—Mattew 22:21; Atti 5:29.
Ir-relazzjoni tagħna m’oħrajn. Ġesù kkmanda: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” Qal ukoll li l-Kristjani “m’humiex parti mid-dinja.” (Mattew 22:39; Ġwanni 17:16) Għalhekk, għalkemm nipprovaw “nagħmlu t-tajjeb maʼ kulħadd,” nibqgħu newtrali għalkollox fi kwistjonijiet politiċi u ma nissiħbux maʼ reliġjonijiet oħrajn. (Galatin 6:10; 2 Korintin 6:14) Madankollu, nirrispettaw l-għażliet li jagħmlu oħrajn fi kwistjonijiet bħal dawn.—Rumani 14:12.
Jekk għandek iktar mistoqsijiet dwar it-twemmin tax-Xhieda taʼ Ġeħova, tistaʼ taqra iktar dwarna minn fuq il-Websajt tagħna, tikkuntattja wieħed mill-uffiċċji tagħna, tattendi laqgħa f’Sala tas-Saltna qrib tiegħek, jew titkellem maʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-inħawi tiegħek.
a Ara See Truth in Translation, paġna 165.
b L-anġli mill-agħar tkeċċew mis-sema, imma għadhom jeżistu fil-qasam tal-ispirti.—Rivelazzjoni 12:7-9.