Mur fil-kontenut

Xi ġralhom ix-Xhieda taʼ Ġeħova matul l-Olokawst Nazista?

Xi ġralhom ix-Xhieda taʼ Ġeħova matul l-Olokawst Nazista?

 Matul l-Olokawst, mietu madwar 1,500 Xhud taʼ Ġeħova minn total taʼ 35,000 Xhud li kienu jgħixu fil-Ġermanja u f’pajjiżi oħra taħt it-tmexxija tan-Nazi. Il-mod kif mietu mhux dejjem sar magħruf. Ladarba r-riċerka għadha għaddejja, l-istatistiki u dettalji oħra għandhom mnejn jiġu aġġornati maż-żmien.

 Kif mietu?

  • Giljottina li ġiet użatha min-Nazi

      Ġew maqtulin: Kważi 400 Xhud ġew maqtulin fil-Ġermanja u f’pajjiżi oħra taħt it-tmexxija tan-Nazi. Il-biċċa l-kbira tal-vittmi ttellgħu l-qorti, ingħataw is-sentenza għall-mewt, u nqatlu billi qatgħulhom rashom. Oħrajn sparawlhom jew ġew mgħallqin mingħajr ma ngħataw iċ-ċans li jiddefendu ruħhom fil-qorti.

  •   Trattament aħrax fejn kienu jinżammu: Iktar minn 1,000 Xhud mietu f’kampijiet tal-konċentrament u ħabsijiet tan-Nazi. Huma mietu minħabba l-ħafna xogħol li ġew imġiegħla jagħmlu jew mietu minħabba torturi, ġuħ, kesħa, mard, jew nuqqas taʼ kura medika. Oħrajn mietu ftit wara li nħelsu fit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija minħabba t-trattament aħrax li kienu għaddew minnu.

  •   Raġunijiet oħra: Uħud mix-Xhieda nqatlu fi kmamar tal-gass. Oħrajn mietu wara li t-tobba użawhom biex jittestjaw mediċini u operazzjonijiet fuqhom jew ġew maqtulin b’siringi li fihom likwidu apposta biex joqtolhom.

 Għala ġew ippersegwitati?

 Ix-Xhieda taʼ Ġeħova ġew ippersegwitati minħabba li mxew mat-tagħlim tal-Bibbja. Huma għażlu li ma jobdux l-ordnijiet tal-istat Nazista li kienu jmorru kontra dak li tgħid il-Bibbja. Ix-Xhieda għażlu li ‘jobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bnedmin.’ (Atti 5:29) Ikkunsidra żewġ modi kif għamlu dan.

  1.   Baqgħu newtrali fil-politika. Bħal kull Xhud taʼ Ġeħova madwar id-dinja llum, ix-Xhieda taʼ Ġeħova li għexu taħt it-tmexxija tan-Nazi kienu newtrali fi kwistjonijiet politiċi. (Ġwanni 18:36) Għalhekk, huma għażlu li:

    •   Ma jiħdux sehem f’servizzi militari u ma jagħmlu l-ebda xogħol li għandu x’jaqsam mal-gwerra.—Isaija 2:4; Mattew 26:52.

    •   Ma jivvutawx fl-elezzjonijiet u ma jingħaqdux m’organizzazzjonijiet tan-Nazi.—Ġwanni 17:16.

    •   Ma jsellmux l-iswastika, jiġifieri s-simbolu uffiċjali tan-Nazi, u ma jgħidux “Heil Hitler!”​—Mattew 23:10; 1 Korintin 10:14.

  2.   Komplew bir-rutina spiritwali. Għalkemm ma kienx permess li jkomplu bir-rutina spiritwali, ix-Xhieda taʼ Ġeħova xorta komplew:

 Il-Professur Robert Gerwarth ikkonkluda li x-Xhieda taʼ Ġeħova kienu “l-uniku grupp fit-Tielet Reich li ġie ppersegwitat biss minħabba t-twemmin reliġjuż tiegħu.” a Priġunieri oħra li kienu fil-kampijiet tal-konċentrament bdew jammiraw lix-Xhieda taʼ Ġeħova minħabba l-waqfa soda tagħhom. Priġunier Awstrijak qal hekk: “Huma ma jmorrux għall-gwerra. Jippreferu jmutu huma milli joqtlu lil ħaddieħor.”

 Fejn mietu?

  •   Fil-kampijiet tal-konċentrament: Il-biċċa l-kbira tax-Xhieda taʼ Ġeħova mietu fil-kampijiet tal-konċentrament. Huma ġew mitfugħin f’kampijiet bħal Auschwitz, Buchenwald, Dachau, Flossenbürg, Mauthausen, Neuengamme, Niederhagen, Ravensbrück, u Sachsenhausen. F’Sachsenhausen biss, ġie konfermat li mietu madwar 200 Xhud taʼ Ġeħova.

  •   Fil-ħabsijiet: Xi Xhieda ġew ittorturati sal-mewt fil-ħabsijiet. Oħrajn tant ġew trattati ħażin waqt l-interrogazzjoni li mietu minħabba l-feriti li kellhom.

  •   F’postijiet fejn kienu jinqatlu n-nies: Il-biċċa l-kbira tax-Xhieda taʼ Ġeħova nqatlu fil-ħabsijiet taʼ Berlin-Plötzensee, Brandenburg, u Halle/Saale. Ukoll, ġew dokumentati madwar 70 post ieħor fejn inqatlu x-Xhieda.

 Xi wħud li nqatlu

  •  Isem: Helene Gotthold

     Post fejn inqatlet: Plötzensee (Berlin)

     Helene, mara miżżewġa u omm taʼ żewġt itfal, ġiet arrestata diversi drabi. Waqt li kienet tqila, fl-1937, tant ġiet trattata ħażin matul interrogazzjoni minnhom li tilfet it-tarbija tagħha. Fit-8 taʼ Diċembru 1944, hi ġiet maqtula billi qatgħulha rasha bil-giljottina fil-ħabs taʼ Plötzensee, Berlin.

  •  Isem: Gerhard Liebold

     Post fejn inqatel: Brandenburg

     Kien fis-6 taʼ Mejju 1943, meta Gerhard, taʼ 20 sena, ġie maqtul billi qatgħulu rasu. Dan seħħ sentejn wara li missieru nqatel bl-istess mod fl-istess ħabs. Fl-aħħar ittra tiegħu lill-familja u l-għarusa, hu kiteb hekk: “Mingħajr is-saħħa tal-Mulej ma kontx inkun nistaʼ niffaċċja dan kollu.”

  •  Isem: Rudolf Auschner

     Post fejn inqatel: Halle/Saale

     Fit-22 taʼ Settembru 1944, Rudolf inqatel billi qatgħulu rasu meta kellu biss 17-il sena. Fl-aħħar ittra tiegħu lil ommu, hu kiteb: “Ħafna aħwa baqgħu sodi f’din il-prova, u jien se nagħmel l-istess.”

a Hitler’s Hangman: The Life of Heydrich, paġna 105.