Kemm Hemm Xhieda taʼ Ġeħova Madwar id-Dinja?
Kif tgħoddu kemm hemm Xhieda taʼ Ġeħova?
Bħala Xhieda taʼ Ġeħova ngħoddu biss lil dawk li b’mod attiv jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla kull xahar. (Mattew 24:14) Dan jinkludi lil dawk li tgħammdu bħala Xhieda kif ukoll lil dawk li, għalkemm għadhom ma tgħammdux, jikkwalifikaw biex jieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar.
Hemm bżonn li individwu jagħti l-flus biex ikun Xhud?
Le. Id-donazzjonijiet m’għandhomx x’jaqsmu jekk individwu jkunx Xhud jew jekk jingħatax xi inkarigu jew privileġġ partikulari fl-organizzazzjoni tagħna. (Atti 8:18-20) Infatti, ħadd ma jgħid kemm jagħti donazzjonijiet. Kull Xhud jagħti kemm jixtieq mill-ħin, l-enerġija, u l-affarijiet tiegħu għax-xogħol tagħna madwar id-dinja u skont iċ-ċirkustanzi tiegħu.—2 Korintin 9:7.
Kif tafu kemm hemm uħud li qed jippritkaw b’mod attiv?
Kull xahar, ix-Xhieda jagħtu rapport tal-attività tagħhom fl-ippritkar lill-kongregazzjoni lokali tagħhom. Dan ir-rapport isir b’mod volontarju.
Ir-rapporti tal-kongregazzjoni jinġabru flimkien u t-totali jintbagħtu lill-uffiċċju tal-fergħa lokali. Il-fergħa tibgħat it-totali taʼ kull pajjiż jew post lill-kwartieri ġenerali tagħna.
Fit-tmiem taʼ kull sena taʼ servizz, a jiġi determinat l-ogħla numru taʼ Xhieda għal kull pajjiż matul dik is-sena. Dawn il-figuri jingħaddu flimkien biex inkunu nafu n-numru taʼ Xhieda madwar id-dinja. Rapporti dettaljati taʼ kull pajjiż huma ppubblikati fis-sezzjoni “Madwar id-dinja” fil-website tagħna. Dawn ir-rapporti jinkuraġġuna, bħalma rapporti simili inkuraġġew lill-Kristjani tal-bidu.—Atti 2:41; 4:4; 15:3.
Tgħoddu lil dawk li jassoċjaw mal-organizzazzjoni tagħkom imma ma jippritkawx?
Għalkemm ma ninkludux lil dawn l-uħud fl-għadd taʼ Xhieda, aħna nilqgħuhom fil-kongregazzjonijiet tagħna. Il-biċċa l-kbira minnhom jattendu t-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu kull sena. Allura n-numru taʼ dawn l-uħud jistaʼ bejn wieħed u ieħor jiġi determinat mid-differenza bejn l-kemm attendew it-tifkira u n-numru taʼ Xhieda. Fl-2023, l-attendenza għat-Tifkira kienet 20,461,767.
Ħafna li ma jattendux il-laqgħat tagħna jibbenefikaw mill-programm tagħna taʼ studju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas. Matul l-2023, kull xahar kellna medja taʼ 7,281,212studju tal-Bibbja, u ftit minn dawn kienu maʼ iktar minn persuna waħda.
Iċ-ċensimenti tal-gvernijiet għala jgħidu li hemm iktar Xhieda milli juru l-figuri tagħkom?
Uffiċċji taċ-ċensiment tal-gvern spiss iġibu l-figuri tagħhom billi jistaqsu lin-nies maʼ liema grupp reliġjuż jidentifikaw lilhom infushom. Pereżempju, l-Uffiċċju taċ-Ċensiment tal-Istati Uniti jgħid li fl-istħarriġ tagħhom “ipprovaw jiddeterminaw jekk dawk li mlew l-istħarriġ qisux lilhom infushom bħala li huma membri taʼ xi komunità reliġjuża,” u żiedu jgħidu li l-figuri finali huma bbażati fuq opinjonijiet persunali u mhux fuq fatti. Bħala kuntrast, aħna bħala Xhieda taʼ Ġeħova ngħoddu biss lil dawk li jippritkaw lil oħrajn u li jirrapportaw din l-attività, u mhux dawk li sempliċement jgħidu li huma Xhieda.
a Sena taʼ servizz tibda mill-1 taʼ Settembru sal-31 t’Awwissu tas-sena taʼ wara. Pereżempju, is-sena taʼ servizz 2015 bdiet fl-1 taʼ Settembru 2014 u spiċċat fil-31 t’Awwissu 2015.