Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Jagħtu Għajnuna Meta Jkun Hemm Xi Diżastru?

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Jagħtu Għajnuna Meta Jkun Hemm Xi Diżastru?

 Iva, ix-Xhieda taʼ Ġeħova spiss jgħinu meta jkun hemm xi diżastru. Aħna nipprovdu għajnuna prattika kemm lil dawk li huma Xhieda kif ukoll lil dawk li mhumiex, fi qbil mal-istruzzjoni tal-Bibbja li nsibu f’Galatin 6:10: “Ħa nagħmlu t-tajjeb maʼ kulħadd, imma speċjalment maʼ min jiġi minna fil-fidi.” Nipprovaw ukoll nagħtu appoġġ emozzjonali u spiritwali lill-vittmi li tant ikollhom bżonn fi żminijiet bħal dawn.—2 Korintin 1:3, 4.

Organizzar

 Wara diżastru, l-anzjani tal-kongregazzjonijiet fl-inħawi milquta jipprovaw jikkuntattjaw lil dawk kollha li jissieħbu mal-kongregazzjonijiet biex jaraw jekk ikunx ġralhom xi ħaġa u jekk għandhomx bżonn għajnuna. Imbagħad l-anzjani jgħaddu din l-informazzjoni lill-uffiċċju tal-fergħa lokali tax-Xhieda taʼ Ġeħova u jinformawhom dwar l-għajnuna li jkunu taw.

 Jekk l-għajnuna li jkun hemm bżonn tkun iktar minn dik li jistgħu jipprovdu l-kongregazzjonijiet taʼ dawk l-inħawi, il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova tagħmel arranġamenti biex tipprovdi dak li hu meħtieġ. Dan hu simili għal kif il-Kristjani tal-bidu kienu jieħdu ħsieb xulxin matul żmien taʼ ġuħ. (1 Korintin 16:1-4) L-uffiċċju tal-fergħa lokali jaħtar Kumitati għall-Għajnuna fid-Diżastri biex jorganizzaw u jidderieġu l-għajnuna meħtieġa. Xhieda minn inħawi oħra minn jeddhom jagħtu mill-ħin u r-riżorsi tagħhom biex jgħinu.—Proverbji 17:17.

Fondi

 Mod wieħed kif jintużaw id-donazzjonijiet li jintbagħtu lill-uffiċċji tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova hu biex tingħata għajnuna lill-vittmi tad-diżastri. (Atti 11:27-30; 2 Korintin 8:13-15) Ladarba x-xogħol isir minn volontieri li ma jitħallsux, il-fondi li jingħataw imorru kollha għall-għajnuna u mhux għall-ispejjeż amministrattivi. Aħna noqogħdu b’sebaʼ għajnejn kif jintużaw id-donazzjonijiet kollha.—2 Korintin 8:20.