Tistaʼ persuna tagħżel li ma tibqax waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova?
Iva. Persuna tistaʼ ma tibqax tagħmel parti mill-organizzazzjoni tagħna b’żewġ modi:
B’talba formali. Bil-kliem jew bil-kitba, persuna tistaʼ tesprimi d-deċiżjoni tagħha li hi ma tridx tibqaʼ waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
B’azzjoni. Individwu jistaʼ jagħmel xi ħaġa li juri li hu ma jridx jibqaʼ Xhud taʼ Ġeħova. (1 Pietru 5:9) Pereżempju, hu jaf jingħaqad maʼ reliġjon oħra u juri li għandu l-intenzjoni li jibqaʼ parti minnha.—1 Ġwanni 2:19.
Jekk persuna m’għadhiex tipprietka jew waqfet tattendi l-laqgħat tagħkom, tqisuha intom bħala li m’għadhiex Xhud taʼ Ġeħova?
Le, ma nqisuhiex hekk. Individwu li ma jkunx għadu Xhud, jew li jaqtaʼ lilu nnifsu, huwa differenti minn wieħed li jkun iddgħajjef fil-fidi. Spiss, dawk li għal xi żmien inaqqsu l-pass jew jieqfu fil-qima tagħhom, ma jkunux telqu l-fidi tagħhom imma jħossuhom skuraġġiti. Minflok ma nwarrbu wħud bħal dawn, aħna nipprovaw nagħtuhom il-faraġ u l-appoġġ. (1 Tessalonikin 5:14; Ġuda 22) Jekk persuna tixtieq l-għajnuna, l-anzjani tal-kongregazzjoni jkunu minn taʼ quddiem biex jagħtuha l-għajnuna spiritwali meħtieġa.—Galatin 6:1; 1 Pietru 5:1-3.
Minkejja dan, l-anzjani mhumiex awtorizzati biex jobbligaw jew jagħmlu pressjoni fuq xi ħadd biex jibqaʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Kull persuna għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha stess rigward reliġjon. (Ġożwè 24:15) Aħna nemmnu li dawk li jqimu lil Alla jridu jagħmlu dan minn jeddhom, mill-qalb.—Salm 110:3; Mattew 22:37.