Ix-Xhieda ta’ Ġeħova Jaċċettaw Kura Medika?
Iva, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jaċċettaw il-mediċini u l-kura medika. Filwaqt li nipprovaw nieħdu ħsieb ġisimna u nibqgħu f’saħħitna, minn żmien għal żmien ikollna “bżonn tabib.” (Luqa 5:31) Fil-fatt, bħal Luqa li kien Kristjan fl-ewwel seklu, xi wħud mix-Xhieda taʼ Ġeħova huma tobba.—Kolossin 4:14.
Però, ċerta kura medika tmur kontra l-prinċipji tal-Bibbja u dawn aħna ma naċċettawhomx. Pereżempju, ma naċċettawx trasfużjonijiet tad-demm għax il-Bibbja tipprojbixxi l-użu tad-demm biex isostni l-ġisem. (Atti 15:20) Bl-istess mod, il-Bibbja tipprojbixxi proċeduri u kuri li jinvolvu prattiki tal-okkult.—Galatin 5:19-21.
Madankollu, il-maġġoranza tal-kura medika ma tmurx kontra l-prinċipji Bibliċi. Għaldaqstant, trid issir għażla personali. Xhud wieħed forsi jiddeċiedi li jaċċetta mediċina jew kura partikulari, filwaqt li Xhud ieħor għandu mnejn ma jaċċettax l-istess kura.—Galatin 6:5.